Meta tipprova tgħaddi romblu tagħmel ħsara lil għanijiet nobbli

Fi stqarrija Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party qalet: Ftit snin ilu, fil-pajjiż kienet għaddejja diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi komprensiva dwar l-Ugwaljanza, ippubblikat fl-2019. Id-diskussjoni inkludiet diversi entitajiet li kkontribwew b’mod attiv. F’daqqa waħda, l-abbozz tpoġġa fil-friża u ma ssemmiex aktar, hekk kif kienet ġejja elezzjoni. Ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kien qed jissemma li din il-liġi kienet ser tiġi rxoxtata, anke minħabba li l-Gvern kien taħt pressjoni biex jimplimenta direttivi Ewropej. Iżda, minħabba li kienet ġejja l-elezzjoni, reġa’ ntefa’ kollox fil-friża.

Issa jidher li l-Gvern qabdu l-paniku u, ftit qabel ma jerfa’ l-Parlament għas-sajf, reġa’ ppropona l-liġi, b’tibdil fuq dak li kien hemm qabel, permezz tal-abbozz il-ġdid ippubblikat fis-7 ta’ Lulju 2026.

Dan l-istil tal-Gvern issa drajnieh. ADPD tfakkar fit-tibdil li l-Gvern ried jagħmel fil-liġijiet tal-ippjanar ftit qabel ma refa’ l-Parlament għas-sajf tas-sena l-oħra, kif ukoll fil-proposta dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta bħala membru assoċjat tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, b’implikazzjonijiet fuq in-newtralità ta’ Malta, li għaddiet bil-għaġla mill-Parlament, dakinhar bil-qbil tal-Oppożizzjoni.

Għadd ta’ għaqdiet u korpi kostitwiti wrew it-tħassib tagħhom dwar diversi aspetti tal-abbozz tal-liġi dwar l-Ugwaljanza, wara li l-Gvern iddeċieda li jibqa’ għaddej mingħajr ma jwettaq konsultazzjoni adegwata dwar materja daqstant sensittiva. ADPD issostni li dan l-aġir jagħmel ħsara lill-għanijiet li għalihom qed jitħejja dan l-abbozz.

Hija ħasra li l-Ministru responsabbli qed tagħti l-impressjoni li din il-liġi hija sempliċement dwar l-obbligu ta’ ħanut li joffri servizzi lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, meta fil-fatt id-dettall tal-liġi jmur ferm aktar fil-fond minn hekk u jmiss diversi aspetti sensittivi li jeħtieġu diskussjoni u konsultazzjoni xierqa.

ADPD tappella lill-Gvern biex jisma’ aktar u jwessa’ l-proċess ta’ konsultazzjoni, bl-għan aħħari li, meta din il-liġi tidħol fis-seħħ, ikollha l-appoġġ ta’ firxa wiesgħa tas-soċjetà Maltija.

FacebookEmail