Alex Borg fi tradizzjoni twila tal-Partit Nazzjonalista, li jaħseb li huwa l-partit li għandu xi dritt divin biex jiggverna, reġa’ fetaħ attakk kontra partiti żgħar. Reġa’ tenna l-gidba Nazzjonalista li vot għal partiti oħra hu vot li hu ta’ periklu għal Malta u għad-demokrazija. Ilna li drajniha din il-kantaliena. L-ikbar theddida għad-demokrazija huwa l-PN li hu ineffettiv u xott mill-ideat.
Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD qalet: ‘Il-PN joffri politika kopja ta’ dik tal-PL, politika favur l-ispekulaturi u l-qerda tal-ambjent, u joffri wkoll politika ekonomika bbażata fuq it-tniġġis. Aktar minn hekk l-PN joffri politika konservattiva favur l-interessi b’saħħithom bħall-industrija tal-fossil fuels u kontra avvanzi soċjali, kif juru l-voti tal-MEPs tal-PN u l-PPE fil-Parlament Ewropew. Tkunx qisek baby iddisprat għal gażaza Alex! Grow up.”
“Min irid jagħti messaġġ ċar u tond u jibgħat messaġġ qawwi kontra s-sistema politika skaduta tal-PLPN, bla dubju jħares lejn il-proposti progressivi ta’ ADPD u jivvota għal tindifa nobis ta’ dan il-pajjiż. Qum fuq tiegħek, u tħallihomx jiddettawlek x’għandek tagħmel. Biex Malta u Għawdex ifiequ vvota 1 ADPD.”

