Il-PL u l-PN joffru l-istess mudell ekonomiku mibni fuq it-tniġġis, l-ispekulazzjoni u l-miljuni kbar ta’ benefiċċji lis-sinjuruni

Wara ġimgħatejn ta’ din il-kampanja elettorali ma nistgħux ma nosservawx li kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista reġgħu qed joffru lill-pajjiż l-istess mudell ekonomiku fallut: aktar tniġġis, aktar dipendenza fuq il-fjuwils fossili, aktar żvilupp spekulattiv, u aktar privileġġi għall-interessi ekonomiċi kbar. Ħafna mill-proposti huma fil-fatt sostenn finanzjarju lil min jiflaħ u lill-miljunarji mgeżwra fi kliem sabiħ biex jagħtu x’jifmhu li se jgawdi l-ħaddiem li jaqlagħha u jiekolha. 

Il-kelliem għal ADPD-The Green Party u kandidat fuq it-tieni u t-tmien distrett Mario Mallia qal:”Il-Prim Ministru jsemmi ħafna il-Vision 2050 tal-gvern. Filwaqt li l-Vision 2050 titkellem il-lingwa tas-sostenibbiltà, fir-realtà jekk tara d-dettalji, l-Gvern hu mwaħħal fid-dogma antikwata ta’ tkabbir ekonomiku bla limitu.Il-proposti tal-Labour huma sempliċiment “business as usual”. L-ekonomija tibqa’ meqjusa bħala għan fiha nnifisha minflok mezz biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.”

“Il-PN mhux qed joffri xi alternattiva għal din il-mentalità ta’ “business as usual”. Matul din il-kampanja elettorali kemm il-PL kif ukoll il-PN komplew iwegħdu favuri lill-industriji li jniġġsu u jiddefendu politika li tagħmel lil Malta aktar dipendenti fuq il-fjuwils fossili. Kemm permezz ta’ sussidji li jtawlu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, kemm permezz tar-rifjut li jindirizzaw bis-serjetà l-konsum eċċessiv u l-iżvilupp bla rażan.”

“Il-Green Vision 2050 ta’ ADPD – Viżjoni Ħadra 2050 – hija fundamentalment differenti għax hija mibnija fuq ekonomija tal-benesseri, ekonomija li taqdi lin-nies u li tirrispetta ‘l-ambjent li ngħixu fih, aktar milli lir-regħba u l-profitt spekulattiv. Il-viżjoni tagħna tagħraf il-limiti tal-pjaneta, tagħti prijorità lis-servizzi pubbliċi u lill-benesseri tal-komunitajiet, u tfittex li tibdel lil Malta f’pajjiż soċjalment ġust u ekoloġikament sostenibbli. Malta ma tistax tibqa’ tissagrifika l-ambjent tagħha, is-saħħa pubblika, il-komunitajiet u l-ġenerazzjonijiet futuri biex tissodisfa ċirku żgħir b’interessi b’saħħithom. It-tibdil fil-klima, il-qerda tal-bijodiversità, iż-żieda fl-inugwaljanzi, il-konġestjoni tat-traffiku u l-kwalità tal-ħajja li qed tmur lura ma jistgħux jiġu solvuti bl-istess politika u politiċi li ħolqu dawn il-kriżijiet. Kull inċentiv lill-industrija għandu jkun marbut ma’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u investiment fil-Green Tech, kif ukoll mal-kwalità tax-xogħol u kundizzjonijiet li joffru lill-impjegati.”

“Kemm il-PL kif ukoll il-PN għadhom priġunieri ta’ mudell ekonomiku mibni fuq tkabbir bla limitu, spekulazzjoni tal-art u dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Huma jgħidu kliem sabiħ fuq is-sostenibbiltà imma fl-istess waqt jiddefendu l-istess interessi li qed iwaqqfu kull bidla ekonomika ta’ vera.”

FacebookEmail