Talba għal investigazzjoni tal-imġiba tal-Ministru għat-Trasport

Illum id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Carmel Cacopardo talab għal investigazzjoni tal-allegat imġiba li tikser l-etika kif provdut fil-liġi u r-regolamenti mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett, kif irrappurtat u dokumentat minn The Shift News.

L-ittra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika hija riprodotta hawn taħt. 


Subject: Talba ghal investigazzjoni ta’ ilment

Għall-attenzjoni tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Sur Kummissarju,

Niġbed l-attenzjoni tiegħek għall-artiklu ippubblikat fuq is-sit elettroniku The Shift News il-bieraħ il-Ħadd 8 ta’ Marzu 2026, liema artiklu hu intitolat Transport Minister faces abuse of power claims over Gudja ban for airport pickups: https://theshiftnews.com/2026/03/08/transport-minister-faces-abuse-of-power-claims-over-gudja-ban-for-airport-pickups/.

F’dan l-artiklu qed jingħad, u hu anke dokumentat, li l-Ministru Chris Bonett abbuża mill-awtorità ministerjali tiegħu billi ħabbar deċiżjoni regolatorja f’fora ta’ politika partiġjana flok permezz ta’ mezzi uffiċjali. Dan billi deċiżjoni regolatorja kienet ikkomunikata lill-kostitwenti tiegħu b’ittra indirizzata direttament lilhom flok ma ġew użati l-għodda uffiċjali pprovduti mill-amministrazzjoni pubblika.

Fid-dawl ta’ dan qiegħed nitolbok biex tinvestiga dan ir-rapport dwar l-allegat abbuż da parti tal-Ministru Chris Bonett u dan fid-dawl ta’ dak provdut fil-liġi u r-regolamenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll fil-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri.

In partikolari hu sottomess li l-imġiba allegata tal-Ministru Chris Bonnett hi waħda nieqsa minn kull sens ta’ etika, u politikament partiġjana. Il-Ministru qed jokkupa kariga pubblika u huwa responsabbli lejn il-pajjiż kollu u mhux biss lejn il-kostitwenti tiegħu.

Napprezza għaldaqstant li tinvestiga l-materja, u, in partikolari, jekk l-imġieba tal-Ministru, kif rappurtata hiex in konflitt mal-Kodiċi tal-Etika applikabbli għall-Ministri, b’mod partikolari l-paragrafi 4.6, 4.9 u 4.10 tal-istess Kodiċi.

Carmel Cacopardo

Deputat Chairperson – ADPD – The Green Party

FacebookEmail