Liċenzji nsib: Il-Gvern għal darboħra kontra l-ambjent naturali Malti 

Mark Zerafa, kelliem għal ADPD-The Green Party qal li l-gvern għal darboħra qed juri li m’għandux għal qalbu l-ambjent naturali Malti. “Id-deċizjoni tal-Gvern li joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-insib hi doċċa kiesħa għal kull min għandu għal qalbu l-ambjent u jagħraf il-ħtieġa li nipproteġu l-bijodiversità fil-pajjiż. B’dan il-pass, il-Gvern għal darboħra qed jiftaħ il-bieb beraħ għall-insib. Nafu li l-insib huwa prattika illegali, mhux biss minħabba l-obbligi tagħna bħala imsieħba fl-EU. Imma meta ma għaddewx mill-bieb, dejjem ippruvaw jgħaddu mit-tieqa.  Biex mingħalihom jgħaddu n-nies minn għajn il-labra, l-insib ippruvaw jagħtuh bixra ta’ riċerka, u  sabu mitt skuża sabiex jisfidaw. Minflok ma ta widen għat-twissijiet tal-kummissjoni Ewropeja, il-gvern raha f’lokha mhux biss li jinjora dawn it-twissijiet imma li saħansitra jħeġġeġ iktar insib bil-ħruġ ta’ liċenzji ġodda. Din hi deċiżjoni żbaljata li għandha tħammrilna wiċċna. Tpoġġi lil pajjiżna f’dawl ferm ikrah – minflok ħadem id f’id mal-kollegi tagħna fl-Ewropa, bla mistħija wera li jiġi jitmejjel mil-liġi. L-istat tad-dritt tah bis-sieq, u fl-aħħar minn l-aħħar tmejjel mill-wirt naturali tagħna l-Maltin.” 

“B’din il-mossa, il-Gvern qiegħed jistqarr li għalih, il-ħarsien tal-bijodiversità f’pajjiżna hija ta’ importanza anqas milli jintogħġob man-nassaba u b’hekk jaħtaf il-voti tagħhom. L-infurzar tal-liġi f’pajjiżna diga’ huwa laxk. X’se jifdal mill-infurzar, issa li numru tal-liċenzji tal-insib se jiżdied b’mod drammatiku?

ADPD – The Green Party jikkundanna bla riservi il-ħruġ ta’ aktar liċenzji għall-insib filwaqt li jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jagħrfu u jonoraw it-trattati u l-obbligi internazzjonali tagħna. Hemm bżonn li nħarsu lilhinn mill-gwadann politiku u nġeddu l-impenn tagħna sabiex nipproteġu n-natura u l-bijodiversità li hija tagħna lkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja li l-gvern fid-dokument finali Malta Vision 2050 l-gvern jiffanfra li għandna nipproteġu u ngħożżu l-bijodiversità u l-ambjent naturali ta’ Malta, għal darboħra jurina biċ-ċar li din il-viżjoni lanqas tiswa l-karta li stampata fuqha u hija biss xinxilli, kliem fieragħ u spettakli superfiċjali.”

FacebookEmail