Il-Qorti Kostituzzjonali taħsel idejha 

Il-Qorti Kostituzzjonali ħaslet idejha mill-ilment sottomess minn ADPD-The Green Party dwar il-providimenti kostituzzjonali fl-Artikli 52 u 52A tal-Kostituzzjoni in konnessjoni mas-sistema elettorali.

Il-Qorti qalet li billi l-Kostituzzjoni hija siekta fuq kwestjoni ta’ kunflitt potenzjali bejn id-dispożizzjonijiet tagħha stess għalhekk il-Qorti ma’ għandha l-ebda setgħa li tiddetermina l-appell ta’ ADPD-The Green Party.

F’konferenza stampa ftit minuti wara li ngħatat is-sentenza Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson qal li l-Qorti ħaslet idejha u lanqas biss indirizzat l-argumenti legali li ġew ippreżentati għall-kunsiderazzjoni tagħha. Imkien, per eżempju, fis-sentenza m’hemm l-iċken referenza għal dak li jipprovdi l-Artiklu 1 tal-Kostituzzjoni, u ċjoe, li r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem huwa pedament ewlieni tal-istess kostituzzjoni. Wiehed kien jistenna li l-Qorti fis-sentenza tagħha tiddiskuti dak li jipprovdi l-Artiklu 1 tal-Kostituzzjoni u li tispjega r-relevanza tal-argumenti tal-istess Qorti għal dak li jipprovdi dan l-istess artiklu.

Cacopardo ġibed ukoll l-attenzjoni li l-Qorti Kostituzzjonali f’każ ieħor li kellha quddiema fl-1996, mhux biss tkellmet b’mod differenti, imma wkoll iddikjarat li parti mill-Kostituzzjoni kienet tmur kontra l-provedimenti tad-drittijiet tal-bniedem fl-istess Kostituzzjoni (Deċiżjoni datata 22 ta’ Frar 1996, fl-ismijiet Paul Stoner et. vs l-Onor. Prim Ministru et.).

Fis-sentenza xotta u nieqsa mill-ispjegazzjoni l-Qorti mkien ma tispjega għaliex injorat kemm dak li jgħid l-Artiklu 1 tal-Kostituzzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni tal-istess Qorti Kostituzzjonali diversament preseduta fil-każ hawn fuq imsemmi.

Sandra Gauci, Chairperson, qalet li diżappuntati bid-deċiżjoni u li qegħdin f’konsultazzjoni mat-tim legali tagħna biex nikkunsidraw x’passi legali ulterjuri nistgħu nieħdu, inkluż li mmorru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

FacebookEmail