Inħossu li huwa ta’ għajb li Ian Borg, f’isem il-Gvern ta’ Malta, wera appoġġ formali u nnomina lil Donald Trump għall-Premju Nobel għall-Paċi*. Dan il-pass jidher kompletament inkonsistenti mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti li ftit jiem ilu rrikonoxxa formalment lill-Palestina bħala stat. Tal-anqas bir-retorika, f’fora internazzjonali, l-Gvern ta’ Malta bosta drabi tkellem dwar l-importanza tal-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Din in-nomina turi kemm ir-retorika tal-Gvern Malti hija fil-fatt vojta u superfiċjali.
Donald Trump huwa figura kontroversjali li, matul il-presidenza tiegħu, kien u għadu magħruf għal politika ta’ firda, diskors ta’ mibegħda u appoġġ ċar lejn l-azzjonijiet militari ta’ Iżrael, inkluż dawk li wasslu għall-kundizzjonijiet traġiċi li qed isofru fihom il-Palestinjani f’Gaza llum. Għaldaqstant, kwalunkwe appoġġ lejn nominazzjoni bħal din mhux biss juri nuqqas ta’ sensittività politika, iżda wkoll ikompli jnaqqas mill-ftit kredibilità li għad baqalu pajjiżna fuq livell internazzjonali.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet: Dan kollu jħalli l-impressjoni li l-ġest tal-Ministru Ian Borg huwa biss ġest ta’ “public relations”, maħsuba biex jidhru tajbin mal-Amministrazzjoni Trump, aktar milli jirriflettu prinċipji konsistenti u valuri sodi. Il-ġest tal-Gvern Malti jidher qisu serviliżmu u lagħqiżmu opportunistà li jħammrilna wiċċna. Il-poplu Malti jixraqlu rappreżentanti aħjar, li ma jħammrux wiċċ Malta mad-dinja demokratika.
***
*X’aktarx in-nomina tgħodd għall-Premju tas-sena d-dieħla: https://www.bbc.com/news/articles/cg5ejm4qrzyo