Il-Gvern jiddefendi lill-bullies u ‘l-barunijiet

Jidher ċar mir-rapporti tal-Ombudsman aċċessibli online li l-Uffiċċju tal-Ombudsman kemm-il darba ddokumenta l-abbużi li qed isiru fi spazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex, inkluż fil-Gżira u Marsaskala, minn kiosks u mwejjed u siġġijiet. Iddokumenta wkoll l-isfeġju ta’ żviluppi illegali li jibqgħu jseħħu għax il-Gvern u l-awtoritajiet jew ma jieħdux passi f’waqthom jew inkella għax l-għodda ta’ infurzar jinżammu fjakki u dgħajfa apposta. Każ lampanti huwa dak ta’ Montekristo f’Ħal Farruġ.

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party qal:”Huwa ċar kristall li l-istituzzjoni tal-Ombudsman qed tagħmel xogħolha u tidħol fid-dettall tal-amministrazzjoni pubblika f’pajjiżna. Dan ix-xogħol iżda qed jiġi mminat mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-ministri tal-gvern tiegħu stess, fosthom Clint Camilleri. Hija ipokrezija kbira li tipprietka fuq kemm l-istituzzjonijiet qed jaħdmu u fuq kemm trid tiddefendi lis-servizz pubbliku, mentri fl-istess nifs tinjora lill-istituzzjonijiet biex ma tirfisx il-kallijiet ta’ nies viċin il-Partit Laburista.”

Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party żiedet:”Huwa ta’ għajb, u sinjal ta’ arroganza kbira li l-Gvern u l-Ministeru responsabbli mill-Ippjanar lanqas biss ta kas ir-rakomandazzjonijiet tal-Ombudsman biex il-pajjiż jikkumbatti żviluppi illegali u l-ingombru ta’ pjazez u bankini għas-skapitu u periklu għan-nies. Skont rapporti fil-media lanqas il-Prim Ministru m’huwa interessat li jara li l-interessi pubbliċi jiġu salvagwardjati.”

“Huwa ċar, biex nużaw slogan tal-Partit Laburista stess: dan huwa għal darboħra Gvern tal-Barunijiet. Gvern ‘supermarket’ li jipprattika politika tradizzjonali ta’ pjaċiri u nepotiżmu favur il-bullies. Bilfors wieħed isaqsi: hemm min huwa viċin il-poter li jinqaras jekk il-Gvern jwettaq ir-rakomandazzjonijiet tal-Ombudsman?”

*Wieħed mir-rapporti fil-media dwar ir-rakomandazzjonijiet tal-Ombudsman u s-silenzju tal-Gvern: https://timesofmalta.com/article/ombudsman-recommends-doubling-development-fines-seizing-kiosks.1113021

FacebookEmail