Ftit tal-ġranet ilu kont parti minn delegazzjoni tal-Alternattiva Demokratika li żaret iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi, fejn jinsabu miżmuma immigranti irregolari. Aħna tlabna li nżuru dan il-post wara li riċentement kien hemm xi rvellijiet fil-post.
Ġejna milqugħa b’mod tajjeb ħafna, u l-Kurunell Brian Gatt, li jmexxi dan iċ-ċentru, għamlilna preżentazzjoni dwar kif jitmexxa dan il-post, u anki ggwidana ma’ xi uffiċjali oħra madwar il-post, fejn anki tkellimna ma’ wħud mill-imigranti detenuti. Żorna l-hekk imsejjaħ ‘Block B’ u ma morniex f’sezzjoni magħrufa bħala ‘l-warehouse’, fejn hemm iktar iffullar. Iżda jkolli nistqarr li minn dak li rajt fi Block ‘B’, ħsibt li s-sitwazzjoni hi agħar minn dik li effettivament rajt b’għajnejja.
Kien hemm xi affarijiet li ma kontx naf, per eżempju li l-għaqdiet non-governattivi rikonoxxuti għandhom aċċess għaċ-ċentru. Isiru wkoll numru ta’ korsijiet, avolja ma ħadtx gost nisma li l-imigranti jiġu mmanettjati biex jimxu għal fejn jingħataw il-korsijiet. Din qed twassal biex uħud ma jattendux, iżda n-naħa l-oħra tal-munita hi li kien hemm każijiet fejn kien hemm minn ħarab, li waslet għal iktar problemi u sensazzjonaliżmu minn xi elementi popolisti fis-soċjetà ċivili u fl-istampa.
Problemi oħra li jeżistu jinkludu problemi relatati mal-lingwa, il-pluraliżmu ta’ gruppi etniċi li mhux dejjem għandhom kulturi kompatibbli ma’ xulxin, il-vandaliżmu li jagħmlu xi wħud, u problemi loġistiċi fis-sit, li ma kienx disinnjat biex ikun ċentru ta’ detenzjoni. Nagħmilha ċara li AD ma tappoġġjax vjolenza jew kulturi bbażati fuq il-fundamentaliżmu, irrispettivament mit-twemmin.
Teżisti assistenza medika f’kull ħin tal-ġurnata. Dawk li huma fi stat vulnerabbli jew li għandhom każijiet partikolari, bħat-tfal, anzjani u ġenituri li ġew bit-tfal magħhom, jingħataw il-ħelsien jekk jingħataw ‘clearance’ medika. Dawn jintbagħtu fl-‘open centres’.
L-għajta komuni fost l-immigranti li ltqajna magħhom, kienet li jonqos il-perjodu ta’ detenzjoni. Kont kommoss ħafna meta wħud minnhom qaluli li jirringrazzjaw lil Malta talli salvathom minn ibħra perikolużi, iżda li, fl-istess ħin qed jitolbu għal detenzjoni iqsar.
Bħalissa hemm 600 immigrant miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni f’Malta, u ħafna minnhom kellhom it-talba tagħhom għall-ażil rifjutata. F’dan il-każ, immigrant ma jistax jiġi miżmum fid-detenzjoni għal iktar minn 18-il xahar, u skond il-każ, jibqa’ Malta jew jintbagħat lura f’pajjiżu, jekk teżisti dokumentazzjoni dwar l-individwu konċernat, u jekk il-pajjiż minn fejn ikun ġej ikun iddikjarah bħala mhux perikoluż. F’każ ta’ immigrant li jingħata ażil, dan jista’ jinżamm għal massimu ta’ 12-il xahar.
Filwaqt li perjodu qasir ta’ detenzjoni huwa meħtieġ sabiex tistabbilixxi identità, kemm għandha żmien persuna, u għal raġunijiet ta’ sigurtà, perjodi twal ta’ detenzjoni għandhom tendenza li jkunu inumani u kontro-produttivi, u jiżirgħu l-ansjetà u l-inkwiet fost l-immigranti u s-suldati. Barra minn hekk, detenzjoni għal żmien twil lanqas mhuwa prattiku mill-aspett finanzjarju. Perjodu ta’ massimu ta’ sitt xhur huwa aktar minn biżżejjed għall-osservazzjoni, peress li jeżistu alternattivi aktar umani u rħas. Dawn jinkludu ffirmar obbligatorju fl-Għasses tal-Pulizija, kif ukoll testijiet tas-saħħa obbligatorji. Nuqqas milli jagħmlu dawn ikun ifisser li l-immigrant jerġa’ jintbagħat f’detenzjoni; b’hekk, huwa responsabbli għal-libertà tiegħu.
Malta għandha tagħti l-importanza xierqa lir-realtajiet umanitarji tal-immigranti, filwaqt li jkollha politika ċara ta’ integrazzjoni, li tqabbel id-drittijiet tal-immigranti mar-responsabbiltajiet, u li tagħti d-dritt ta’ ażil lil dawk li ġenwinament għandhom bżonnu. Politika ta’ integrazzjoni sostenibbli għandha tiġi żviluppata b’tali mod li hija sensittiva għall-individwu u realtajiet tal-immigranti.
F’dan ir-rigward, il-Ħodor Ewropej sejħu għal qsim ta’ responsabbiltà fl-UE, għal tibdil relattiv fit-trattat ta’ Dublin, kif ukoll għal aktar attenzjoni lejn is-sitwazzjonijiet tal-gżejjer żgħar. Il-populisti li jxerrdu politika ta’ mibegħda mnebbħa min-nazzjonaliżmu egoist, jopponu għall-kunċett ta’ qsim tar-responsabbiltà, u għalhekk qed jagħmlu iktar ħsara milli ġid, mhux biss għall-immigranti, iżda anke għall-pajjiżi żgħar f’qagħda ġjografika partikolari, bħal m’hi Malta.
Alternattiva Demokratika temmen li hu fl-interess ta’ kulħadd li waqt li l-immigranti jkunu hawn Malta dawn jingħataw assistenza sabiex jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom, sabiex meta jirritornaw lura pajjiżhom jew meta jsibu ruħhom xi mkien ieħor, dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet li kienu l-kawża tal-problema. Taħriġ offrut lill-immigranti, speċjalment lit-tfal tagħhom, jikkontribwixxi għal integrazzjoni aħjar meta dawn isibu ruħhom xi mkien ieħor.
Nemmnu wkoll li apparti awtoritajiet u NGOs, esperti u l-midja għandhom ikollhom aċċess sħiħ għaċ-ċentri tad-detenzjoni.
Kull immigrant li joħroġ miċ-ċentri tad-detenzjoni għandu jingħata permess tax-xogħol sabiex ikun jista’ jaħdem b’mod legali. Din toħloq sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd, kemm l-immigranti u l-Maltin li jħallsu t-taxxi, kif ukoll isservi bħala daqqa kontra l-ekonomija s-sewda.
Il-pożizzjoni ta’ AD żgur li m’hijiex qed trebbħilna voti. Iżda għalina s-solidarjetà tiġi qabel il-populiżmu rħis. Nippreferu ngħiduha kif inhi u nipproponu soluzzjonijiet li, għalkemm diffiċli, iwasslu għall-inklużjoni u ġustizzja soċjali.
Michael Briguglio huwa ċ-Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika – Partit tal-Ħodor.
Il-Gens Illum 3 ta’Dicembru 2011