Delegazzjoni minn Alternattiva Demokratika għamlet żjara ta’ kortesija lill-Malta Union of Teachers li waqtha ġew diskussi numru ta’ punti li jolqtu mill-qrib is-settur edukattiv.
Ġiet diskussa l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ għalliema li ġej mill-fatt li inqas żgħażagħ qed jagħżlu li jagħmlu l-edukazzjoni il-karriera tagħhom. Alternattiva Demokratika fakkret fil-proposta li kienet għamlet fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li jitwaqqaf task force biex jidentifika ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni. Ġie diskuss il-fatt li l-ftehim kollettiv ġdid għandu jagħmel differenza pożittiva permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-gradi kollha tal-għalliema. Madanakollu ġie enfasizzat il-bżonn li tingħata titwila lejn aspetti ohra fosthom il-fiduċja u l-istima li jgawdu l-għalliema mhux biss mill-awtoritajiet edukattivi imma mis-soċjeta` ġenerali. Dawn huma żewġ aspetti importanti li jispikkaw fil-mudell Finlandiż meqjus bħala wieħed mill-aħjar fid-dinja.
Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq l-awtonomija li jgawdu l-għalliema. Saħqet fuq il-bżonn ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu iktar u iktar fl-iskejjel individwali fi sfond ta’ direzzjoni nazzjonali. AD esprimiet is-sodisfazzjon li sar pass ‘l quddiem biex l-iżvilupp professjonali tal-għalliema ikun inqas preskrittiv u jintagħżel skont il-bżonnijiet ta’ kull għalliem u LSE. Fl-istess waqt wriet tħassib għal proposti rigward is-SEC li jistgħu joħonqu is-sens ta’ awtonomija tal-iskejjel u l-għalliema fil-klassi filwaqt li jifframmenta t-tagħlim u l-għerf. Fuq l-universita` wriet it-tħassib tagħha wkoll għal proposta li jkun hemm kontroll ikbar tal-istat fuq l-universita` u min imexxiha.
Ġew diskussi wkoll aspetti li jirrigwardaw il-politika edukattiva partikolarment il-bżonn ta’ politika fuq il-ġeneru li sseddaq l-ugwaljanza u r-rispett bejn is-sessi. Dan fl-isfond tad-deċiżjoni li anke fl-iskejjel sekondarji tal-istat, il-bniet u subien jitgħallmu flimkien. Dan l-isforz huwa neċessarju sabiex pjagi soċjali frott ta’ sterjotipi, disugwaljanzi u l-vjolenza abbażi ta’ sess jiġu ndirizzat b’mod sistematiku.
Saret referenza wkoll għall-wegħdiet elettorali li jwieżnu progress ekonomiku mingħajr ma jagħtu biżżejjed każ ta’ kif dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw lit-tfal u l-livell ta’ servizz li jixirqilhom.
Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll aspetti ta’ nklużjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni fl-MCAST.
Id-delegazzjoni mill-Alternattiva Demokratika tmexxiet mill-Perit Carmel Cacopardo chairperson, Mario Mallia, kelliem għall-edukazzjoni u deputat chairperson kif ukoll Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali, u Anna Azzopardi, Deputat Segretarju Ġenerali.