Diskors taċ-Chairperson ta’ ADPD fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja
Għażilna l-ixkupa bħala s-simbolu elettorali biex ikollna messaġġ ċar li jinftiehem minn kulħadd. Xkupa ħadra tnaddaf.
L-ixkupa nużawha biex innaddfu. Biex niġbru l-ħmieġ. Għandna bżonn xkupa politika li tnaddaf waħda sew: mhux biss tnaddaf il-Parlament imma ukoll biex iddaħħal ftit sens fid-diversi oqsma tal-politika li jeffettwaw il-kwalità ta’ ħajjitna.
Il-Manifest li għadna kif approvajna jispjega l-ħidma ewlenija li Membri Parlamentari eletti f’isem dan il-partit għandhom jiffukaw fuqha.
Fuq quddiem nett hemm il-ħtieġa li nirrinfurżaw l-etika fil-ħajja pubblika.
L-indafa fil-ħajja pubblika ma tiġix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum.
Ma jistax ikun li l-membri parlamentari fil-għodu jkunu għax-xogħol fl-impieg jew professjoni tagħhom u mbagħad wara nofsinnhar jattendu l-parlament. Il-ħidma tagħhom trid tkun iffukata fil-Parlament mhux biss għax hemm hafna x’isir imma fuq kollox għax huwa essenzjali li jkunu eliminat, safejn hu umanament possibli, kull kunflitt ta’ interess bejn l-interessi differenti li inevitabilment kull membru tal-parlament ikun espost għalih.
Membru parlamentari li jaqsam ħinu bejn il-Parlament u x-xogħol jew professjoni tiegħu m’għandux ħin biżżejjed biex jissorvelja l-ħidma tal-Gvern, biex jassigura l-kontabilità. Dan hu ix-xogħol ta’ kull wieħed mill-membri tal-parlament u rari sar sewwa.
Tul il-ġimgħat li għaddew kellna żewġ riżenji mill-Kabinett u oħra ta’ Segretarju Permanenti. Dawn saru bħala riżultat ta’ investigazzjoni fuq l-operat tagħhom mill-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. F’kaz minnhom kien hemm dħul ta’ flus minn senserija mhux dikjarati u fil-kaz l-ieħor abbuż minn fondi pubbliċi.
Aħna skandalizzati mhux biss għax sar l-abbuż imma iktar minħabba li numru ta’ membri tal-parlament għamlu kemm setgħu biex ikun evitat li jittieħdu passi. Il-lealtà lejn il-partit tqieset superjuri għall-lealtà lejn dak li hu sewwa. Uħud mill-membri tal-parlament ittrasformaw il-parlament f’każin tal-partit fejn jinteresshom biss li jiddefendu lil ta’ madwarhom akkost ta’ kollox. L-ixkupa qegħda għal dawn l-affarijiet. Dawn huma attitudnijiet li m’humiex tollerabbli.
Hemm ħtieġa ukoll li tkun riformata l-leġislazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti. Sa minn meta saret opponejna l-fatt li r-regolatur f’dan il-kaz hi l-Kummissjoni Elettorali. Issa l-Kummissjoni Elettorali hi komposta minn 4 rappresentanti tal-PN, 4 tal-PL u Chairman li hu uffiċjal pubbliku. Kif tista’ qatt din tiffunzjona sewwa bil-partiti l-kbar jippruvaw jirregolaw lilhom infushom? U minn fuq imbagħad iridu jirregolaw lilna ukoll!
Hemm bżonn dawra sew biex jingħalqu t-toqob tal-finanzjament tal-partiti. Waħda mit-toqob il-kbar hi l-kumpaniji kummerċjali tal-partiti l-kbar li ilhom snin kbar ma jippreżentaw il-kontijiet ivverifikati tagħhom. Ħadd ma jaf x’finanzi jgħaddu minn dawn il-kumpaniji, fosthom taparsi servizzi u riklami imma li jkunu donazzjonijiet moħbija biex iduru madwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Li jippreżentaw il-kontijiet verifikati kollha li għandhom b’lura għandu jkun l-ewwel pass tat-tindifa meħtieġa!
Imbagħad il-PL u l-PN iridu jħallsu l-arretrati li għandhom ta’ €5 miljuni f’kontijiet tad-dawl u l-ilma. Lilek li għax tkun għaddej minn siegħa ħażina taqa’ lura fil-ħlas tal-kontijiet l-ARMS malajr tibgħatlek twissija biex tara x’tagħmel u tibda tħallas. Għal dawn imma tħallew jakkumulaw dawn l-arretrati kollha!
Xkupa kbira hemm bżonn!
Hemm diversi oqsma li jeħtieġu tibdiliet kbar. Ħudu l-paga minima. Ir-rapporti ippubblikati mill-Caritas repetutament jispjegaw għaliex il-paga minima mhiex adegwata biex tgħix familja ta’ żewġ adulti u żewġt ulied. Mhiex living wage.
L-aħħar studju li sar a bażi ta’ ċifri tal-2020 juri li hemm diskrepanza ta’ 40%: il-paga minima hi madwar €4000 inqas milli meħtieġ biex tgħix familja ta’ 4. Parti minn din id-diskrepanza tonqos bic-children’s allowance. Huwa tajjeb li s-servizzi soċjali qed itaffu l-problema f’dawn iċ-ċirkustanzi, pero jkun ferm aħjar jekk il-paga minima tkun maħduma aħjar, kif għandu jkun. Mir-rapporti tal-Caritas joħroġ ċar li d-difett bażiku li hemm hu li l-basket ta’ oġġetti u servizzi li fuqhom tinħadem il-paga minima mhux aġġornat regolarment. Dan hemm bżonn li jsir mingħajr iktar dewmien.
Irridu immorru ukoll pass oltre. Diversi pajjiżi qed iħarsu lejn dak li jissejjaħ dħul minimu garantit (universal basic income). F’xi pajjiżi saru pilot projects biex ikun mistħarreġ kif dan jista’ jsir. F’Malta ukoll għaqdiet b’impenn soċjali u xi unions qed jeżaminaw dak li qed iseħħ f’pajjiżi oħra. Ikun tajjeb lil-Gvern jippubblika xi studji li għamel biex tinfetaħ diskussjoni pubblika.
Sadanittant il-prezzijiet qed jogħlew illum. Hemm bżonn li dawk li huma vulnerabbli ma jibqgħux jistennew sa l-aħħar tas-sena biex jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Aħna qed nipproponu li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tibda titħallas darbtejn fis-sena.
Il-bieraħ numru ta’ għaqdiet ambjentali ħbieb tagħna ippubblikaw 9 talbiet ambjentali li ġustament insistew li għandhom ikunu indirizzati mill-manifesti elettorali tal-partiti. Nieħdu pjaċir b’dan l-impenn tal-għaqdiet ambjentali Maltin. L-ambjent dejjem kien u jibqa’ fiċ-ċentru tal-proposti li aħna immexxu l-quddiem fil-manifest elettorali tagħna.
Hu ta’ sodisfazzjon li ewlenija fost it-talbiet tal-għaqdiet ambjentali hemm l-insistenza li l-ambjent jingħata ħarsien kostituzzjonali. Din hi proposta li hija fuq quddiem nett fil-manifest elettorali li għadna kif approvajna. L-istess jgħodd għall-proposti l-oħra dwar il-klima, l-mobilità sostenibbli, l-iskart, l-agrikoltura u l-iżvilupp urban. Il-bqija tkellimna dwarhom konsistentement u bħall-għaqdiet ambjentali aħna kommessi li tittieħed azzjoni konkreta dwarhom.
Matul dawn l-aħħar snin irnexxielna naħdmu ħafna flimkien biex inwasslu l-quddiem il-messaġġ tal-partit. Nafu li t-triq għalina dejjem kienet għat-telgħa. Ħadd qatt ma għamlilna t-triq faċli.
Iktar kmieni din il-ġimgħa kelli laqgħa ma esperti dwar l-elezzjonijiet mill-OSCE fejn kelli l-opportunità li niddiskuti fid-dettall magħhom dawn l-ostakli li aħna niffaċċjaw kontinwament. Minejja dan kollu aħna qatt ma qtajna qalbna. Komplejna b’iktar enerġija l-ħidma li bdew ta’ qabilna b’tant dedikazzjoni.
Inkomplu din il-ħidma f’dawn it-tlett ġimgħat li baqa’ sal-elezzjoni ġenerali. Hemm ħafna xogħol li għad irid isir. Għandna kandidati f’kull distrett elettorali, bħalma kellna dejjem. Nirringrazzjawhom għas-servizz li qed jagħtu lill-pajjiż. Inkomplu nwasslu l-messaġġ li Xkupa Ħadra Tnaddaf.
Carmel Cacopardo
5 ta’ Marzu 2022