Vot Alternattiv, Vot Nadif – Vote Green, Vote Clean

F’konferenza stampa fil-Belt, AD ħabbret it-temi ġenerali tal-kampanja elettorali tagħha.

Ic-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola qal: “Biex tikkumbatti l-partit tad-delinkwenti politici, Konrad, Keith u Brian, kienet mehtiega koalizzjoni tal forzi kollha, koalizzjoni pluralistika ta’ vera li tirrifletti id-diversità tal-komponenti differenti li jikkomponuha.Huwa inutli noqogħdu ninħbew wara subgħajna: il-polls jitkellmu ċar – attwalment l-voti tal-PN, tal-AD, tal-PD u tal-iswitchers magħduda flimkien huma inqas minn tal-PL. Kienu għalhekk vitali għal din il-koalizzjoni il-voti tal eluf ta’ Laburisti onesti li tqażżu mill-imġieba tas-sħab ta’ Muscat.”

“Huwa ghalhekk li, strategikament, ahna pproponejna lill-PN li l-koalizzjoni kellha tkun distinta mill-partiti li jiffurmawha. B’mod partikolari s-suċċess tal-koalizzjoni kien dipendenti fuq kemm setgħet tiġbed lejha Laburisti diżullużi. Biex dan iseħħ l-isem għall-koalizzjoni kellu jkun inklussiv u li kulħadd Iħossu komdu fih. Seta’ kien Qawsalla, Koalizzjoni għal Malta, Alleanza għal Malta, hu x’inhu. Iżda fuq dan il-PN kien irremovibbli u intransiġenti: jew Partit Nazzjonalista, jew xejn.”

“Li l-istrateġisti tal-PN ma setgħux jifhmu hu li l-isem Partit Nazzjonalist igerrex lil bosta votanti li xejn ma jħossuhom komdi jivvutaw PN. Kieku aċċettajna li noħorgu bħala kandidati tal-PN kieku għall-ewwel darba il-madwar 2000 votant konvint tal-AD u l-ħafna laburisti onesti li jifhmu li l-Panamagang trid titlaq kienu jispiċċaw ma jivvutawx għal din il-lista.”

“Aħna offrejna lill-PN il-possibbiltà ta’ mod ġdid kif tagħmel il-politika f’Malta, alleanza u koalizzjoni ta’ vera li fiha kulħadd iħossu komdu. Imma għalqulna l-bieb f’wiċċna. Aħna għalhekk qegħdin nikkontestaw l-elezzjoni bħala Alternattiva Demokratika fuq kull distrett biex nagħtu l-posssibilità lil dawk il-Maltin onesti kollha li mhux komdi li jivvutaw PN, u l-persuni kollha konvinti mill-proposti ta’ AD, jivvutaw għal lista li fiha jhossuhom sereni, mingħajr ma jicħdu t-twemmin politiku bażiku tagħhom.”

Il-Perit Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta sunt ġenerali tal-manifest.
“Kif jidher car anke mill-isem – Vot Alternattiv, Vot Nadif – Vote Green, Vote Clean – il-messaġġ ċentrali tal-proposti elettorali tagħna hu li l-aġenda tagħna hi l-indafa. Minghajr ma’ jinjora temi oħra, l-manifest jiffoka fuq il-governanza, tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-ħarsien ambjentali.”

“Il-politika nadifa ma tiġx mix-xejn. Jeħtieġ li naħdmu għaliha kuljum. Vot alternattiv hu vot favur l-indafa u kontra t-tniġġis ta’ kull xorta. Tniġġis tal-ħajja pubblika minn nuqqas ta’ tmexxija tajba u korruzzjoni. Hu ukoll vot kontra t-tniġġis ambjentali li daqqa jeqred il-ħajja, u drabi oħra jtappan u jnaqqas il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.”

“Din il-kampanja elettorali qed isseħħ fi tmiem leġislatura ta’ 4 snin li wriet kemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma dgħajfa. Huma dgħajfa tant li ma jistgħux jintervjenu kontra l-abbuż li jikber fl-istess ħin li jkompli jherri dak li baqa’ mill-istituzzjonijiet.”

“Fid-dawl ta’ dan, l-indafa hi l-aġenda tagħna. Hi agenda li tibni mill-ġdid jew issaħħaħ; l-istituzzjonijiet u tagħti lura d-dinjità lill-pajjiż billi tistabilixxi mill-ġdid l-indafa fil-ħajja pubblika bħala valur imfittex u mixtieq. Hi agenda li tfittex li tirrestawra s-serjetà fil-ħajja pubblika u l-indafa madwarna fit-toroq, fl-arja, fl-art u fil-baħar. Idejn indaf fuq it-tmun tal-pajjiż. Nifs b’arja friska u nadifa. Ilma li nixorbu li jkun ċar u nadif. Ikel li ma jkunx ikkontaminat.”

Il-Manifest komplet ikun ippubblikat il-ġimgħa d-dieħla.

Sadanittant waqt il-konfrenza stampa tħabbar kandidat ieħor fuq it-Tielet Distrett (Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk), flimkien ma’ Christian Mizzi.

Lista kandidati AD

L-Ewwel Distrett – 1 (Il-Belt Valletta, Floriana, Il-Ħamrun, Il-Marsa, Tal-Pietà, Gwardamanġa, Santa Venera) – MARC’ANDREA CASSAR

It-Tieni Distrett – 2 (Il-Birgu, L-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, St Peter’s, Il-Fgura (parti), Il-Kalkara, Ix-Xgħajra) – MARIO MALLIA, CHRISTIAN MIZZI

It-Tielet Distrett – 3 (Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk) – CHRISTIAN MIZZI

Ir-Raba’ Distrett – 4 (Il-Fgura (parti),Il-Gudja, Paola, Santa Luċija, Ħal Tarxien) – CARMEL CACOPARDO

Il-Ħames Distrett – 5 (Birżebbuġa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Farruġ, Il-Qrendi, Ħal Safi, Iż-Żurrieq, Bubaqra) – PASCAL ALOISIO

Is-Sitt Distrett – 6 (Ħal Qormi, Is-Siġġiewi, Ħal Luqa) – SIMON GALEA

Is-Seba’ Distrett – 7 (Ħaż-Żebbuġ (Malta), Ħad-Dingli, L-Imġarr, L-Imtarfa, Ir-Rabat (Malta), Il-Baħrija, Tal-Virtù) – RALPH CASSAR

It-Tmien Distrett – 8 (Ħal Balzan, Birkirkara, Fleur-de-Lys, Is-Swatar (B’Kara), L-Iklin, Ħal Lija) – PASCAL ALOISIO, MARIO MALLIA

Id-Disa’ Distrett – 9 (Ħal Għargħur, L-Imsida, Is-Swatar (Msida), San Ġwann, Kappara, San Ġwann, Is-Swieqi, Madliena, Ta’ Xbiex) – ARNOLD CASSOLA, DANIKA FORMOSA

L-Għaxar Distrett – 10 (Il-Gżira, In-Naxxar (parti), Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġiljan, Paceville, Tas-Sliema) – ARNOLD CASSOLA, DANIKA FORMOSA

Il-Ħdax-il Distrett – 11 (L-Imdina, Ħ’Attard, Il-Mosta, Burmarrad) – CARMEL CACOPARDO, RALPH CASSAR

It-Tnax-il Distrett – 12 (Il-Mellieħa, In-Naxxar (parti), San Pawl il-Baħar) – SIMON GALEA, LUKE CARUANA

It-Tlettax-il Distrett – 13 (Għawdex) – LUKE CARUANA

FacebookEmail