Is-suq fejn jidħol il-kera tal-propjetà mhux qiegħed jiffunzjona u allura hu meħtieġ l-intervent tal-istat
Waqt konferenza stampa l-Belt Valletta, id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo tkellem dwar il-problemi fil-qasam ta’ propjetajiet residenzjali.
“L-aħħar ċensiment, li sar fl-2011 kien żvela li fil-gżejjer Maltin hi biss 68.2% tal-propjeta residenzjali li hi okkupata b’mod regolari. L-bqija hi jew vojta (18.4%) inkella użata għal villeġġatura inkella għal xi użu ieħor sekondarju (13.3%).”
“Fil-Belt Valletta is-sitwazzjoni hi ferm agħar mill-medja nazzjonali għax skond l-istess ċensiment 64.7% biss tal-propjeta hi okkupata fil-waqt li 32.3% hi vakanti. Hu biss 2.9% tal-propjeta residenzjali fil-Belt Valletta li hi okkupata b’mod okkazjonali.”
“Illum, wara kważi sitt snin minn meta sar iċ-ċensiment, il-pozizzjoni hi waħda agħar. Iċ-ċifra totali ta’ propjeta vakanti fl-2011 kienet ta’ 71,080 u probabbilment li illum hi viċin iċ-ċifra ta’ 80,000 fuq livell nazzjonali. Fuq livell nazzjonali din l-informazzjoni tfisser li l-ammont sostanzjali ta’ 31.8% tal-propjeta residenzjali fil-gżejjer Maltin hi vojta inkella ma tantx hi użata. Dan ifisser medda ta’ art madwar għoxrin darba id-daqs tal-Belt Valletta. Jiġifieri meta tiġbor flimkien dawn il-propjetajiet kollha, dawn jammontaw daqs għoxrin darba daqs il-Belt Valletta. Dan ifisser sparparjar kbir ta’ fondi pubbliċi għax bħala minimu jfisser li l-infieq fl-infrastruttura (toroq, elettriku, ilma, drenaġġ, telekomunikazzjnijiet) għal dawn l-għoxrin Belt vojta seta’, bi ftit ħsieb u għaqal ġie fil-parti l-kbira tiegħu evitat”.
“Dan iwassalna għal diversi konsiderazzjonijiet. L-ewwel nett li minkejja li r-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta ilha works in progress għal snin kbar, din il-ħidma ma laħqitx l-infrastruttura soċjali, iżda illimitat ruħha għar-riabilitazzjoni fiżika, prinċipalment ta’ bini storiku u ġie injorat bini żgħir li tħalla jitmermer u fi stat ta’ abbandun. Sadanittant, waqt li għandna din il-propjetá residenzjali kollha vojta jew ftit użata, l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli għaddejja iżżid mal-problema, anke fil-Belt Valletta innifisha permezz ta’ bini ta’ penthouses li qed ikerrhu d-dehra tal-Belt Valletta. Dan isejħulu progress kif ukoll kontribut sinifikanti għall-ekonomija. Kemm Alternattiva Demokratika kif ukoll l-għaqdiet ambjentali f’Malta semmgħu leħinhom sewwa dwar dan “l-iżvilupp” esaġerat tul is-snin. Imma l-problema xorta baqgħet tikber. Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista t-tnejn ġew jaqgħu u jqumu mill-konsegwenzi.”
“F’din is-sitwazzjoni, Alternattiva Demokratika jidhriha li ammont ta’ propjetajiet vakanti f’kull lokalitá għandu jkun kriterju importanti biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal żvilupp sostanzjali. Anke meta jkunu ikkunsidrati l-artijiet li l-PN fil-Gvern daħħal fiż-żona ta’ żvilupp, m’għandux jinħareġ permess jekk fil-lokalitá ikun hemm kwantitá sostanzjali ta’ propjetajiet vojta.”
“Wasal iż-żmien li din is-sitwazzjoni tkun indirizzata u għal dan l-iskop il-manifest elettorali ta’ Alternattiva Demokratika qiegħed jagħmel din il-proposta speċifika: f’dawk il-lokalitajiet fejn in-numru ta’ propjetajiet vakanti hu sostanzjali ma jinħarġux permessi ta’ żvilupp għal proġetti li jipproponu l-bini ta’ numru kbir ta’ residenzi addizzjonali. Dan għandu jkun l-ewwel pass biex tkun indirizzat il-problema tal-ammont kbir ta’ bini vojt fil-gżejjer Maltin kif ukoll tal-bini esaġerat li għaddej madwarna.”
“Hemm mbagħad konsiderazzjoni oħra sinifikanti li teħtieġ li issir. Kif inhu possibli li b’din il-propjeta kollha vojta jibqa’ jkollna min-naħa l-waħda numru ta’ persuni m’għandhomx saqaf diċenti fuq rashom u min-naħa l-oħra kirjiet tant għolja li min għandu bżonn jikri ma jistax ilaħħaq ma dak mitlub minħabba li d-dħul tiegħu jew tagħha hu baxx ħafna. Is-suq fejn jidħol il-kera tal-propjeta mhux qiegħed jiffunzjona u allura hu meħtieġ urgentement l-intervent tal-istat.”
Il-kelliem ta’ Alternattiva Demokratika Mario Mallia saħaq: “Irridu nżommu f’rasna wkoll il-problema ta’ċentri storiċi bħal ma huma l-Belt u l-Birgu li bil-mod il-mod qed jitbattlu minn nies tal-lokalita` minħabba propjetaijiet inaċċessibbli strutturalment, qed isibu li anke l-prezzijiet tal-propjeta` li tista’ tintuza qed jogħla sostanzjalment. Għandek postijiet li jeħtiegu bidliet u tiswijiet strutturali kbar u allura dan irendihom impossibbli biex nies bi dhul baxx u anke medju jidħlu għall-ispejjes kbar li jenħtiegu jintefqu biex ikunu dicenti u abitabbli. AD tħoss li l-gvern għandu jitwaqqaf kumitat li jezamina dan il-fenomenu biex ir-rigenerazzjoni ta’ dawn ic-centri storici ma tkunx tfisser li jizvujtaw mill-komunitajiet li jagħmluhom unici. Hemm bzonn li t-tahlit socjali jibqa.”
“Għalkemm diga saru arrangamenti mal-privat tul is-snin, għandu jagħmel iktar arrangamenti mal-privat li jkunu għajnuna ghal min ikollu bzonn biex inkun hemm kirjiet ssussidjati ghal min hu f’sitwazzjoni ta’ diffikulta`. Dak li sar mhux bizzejjed u hem bosta nies bi dhul baxx li mhux qed jintlahqu. Għandu jkun zgurat li jintuza l-housing stock ezistenti mingħajr il-bzonn li jinbnew housing estates godda li ma jagħmlu xejn biex inaqqsu mill-propjetajiet vojta. Għandu jkun zgurat li ikun hem tahlit socjali, xiħaga li housing estates ma jgħinux fiha.”