Sandra Gauci titkellem fil-Kumitat Parlamentari dwar l-abort

Onorevoli,

Jiena Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD. Illum se nippreżenta l-pożizzjoni tal-partit ADPD rigward l-abort.

Nemmnu li l-pożizzjoni ta’ ADPD, li ħarġet bħala riżoluzzjoni f’Mejju tal-2021, tibqa’ fost l-aktar bilanċjati u kuraġġużi. Dan għax inssejħu għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort, abort f’ċirkustanzi straordinarji f’dawk il-każi fejn il-ħajja tal-mara tqila tkun fil-periklu, kif ukoll fil-każ ta’ tqala sfurzata bi vjolenza (stupru u inċest), u fil-każ ta’ tqala li strettament ma tkunx vijabbli. Din ir-riżoluzzjoni ħarġet mid-diskussjoni interna fil-partit li kienet ilha għaddejja żmien, u li saret b’mod moderat u matur. Huwa dan l-istess spirtu ta’ djalogu li nixtieq nisma’ hawnhekk illum, imma li niddubita se jsir hekk. Għax bid-djalogu nistgħu nwasslu għall- kunsens. Fejn kulħadd ikun parteċipi, hekk kif huwa miktub fil-prinċipji tagħna l-ADPD – fejn il-valur ta’ participatory democracy huwa wieħed mill-pilastri tagħna bħala partit tal-ħodor.

Filwaqt li napprezzaw dan l-iżblokk żgħir li sar fl-emendi proposti, nemmen bix-xieraq li l-pożizzjoni ta’ ADPD hija l-unika soluzzjoni aċċettabbli.

Fil-manifest elettorali tagħna tal-2022 ktibna analiżi fit-tul dwar id-Drittijiet dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva. Huwa f’dan il-qasam li jidħol id-dibattitu dwar l-abort. Bħal ma ħareġ riċentament mill-qorti, l-abort hawn Malta jsir. Hemm nisa li jixtru pilloli onlajn u jeħduhom – dak li jissejjaħ abort mediku. Aħna nemmnu li ebda persuna – jekk hux mara ċisgender, non-binary jew raġel trans – m’għandha tkun soġġetta għall-liġi kriminali għax ħadet il-pilloli. Id-dekriminalizzazzjoni hi essenzjali.

Hemm bżonn li l-leġiżlazzjoni dwar l-abort issir f’kuntest ħolistiku. Biex nindirizzaw l-għerq tal-faqar u mhux il-konsegwenzi tiegħu. Li nindirizzaw l-għerq tal-vjolenza fuq in-nisa u mhux il-konsegwenzi tiegħu. U li nindirizzaw in-nuqqas ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva li għandu effett enormi. Hemm ħtieġa urġenti li ssir emfasi dejjem ikbar fuq l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, u dan biex insaħħu s-sens ta’ responsabbiltà ta’ kulħadd, partikolarment l-irġiel.

Bħala ADPD nagħrfu l-fatt li hemm pluraliżmu etiku fil-pajjiż. Dan ifisser li jeżistu valuri kuntrastanti. Bejn l-estremiżmu ta’ dawk li jappellaw għall-emozzjonijiet flok għar-raġuni u dawk li jemmnu li l-libertà individwali m’għandhiex ikollha limiti.

Illum f’ismi u f’isem il-partit napella għar-raġuni u l-moderazzjoni.

Sandra Gauci
26 ta’ Ġunju 2023

FacebookEmail