Rebħa għal Malta, telfa għall-gvern, il-Labour u l-PN

Illum filgħodu l-uffiċċjali u kandidati għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD Mina Jack Tolu u Dr Ralph Cassar żaru r-riserva naturali tas-Simar, immexxija mill-BirdLife.

Waqt iż-żjara fir-riserva tas-Simar il-kandidati għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD – The Green Party esprimew l-appoġġ tal-partit għax xogħol tal-BirdLife favur l-ambjent naturali ta’ Malta. Saħqu fuq l-appoġġ tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew għal-liġi dwar ir-restawr tan-natura fost liġijiet oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Waqt iż-żjara daħlet l-aħbar tajba li l-Avukati Ġenerali tal-UE taw parir espert lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li fih ddikjaraw li d-deroga tal-nsib hija illegali.

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Ralph Cassar qal li fl-aħħar qegħdin viċi li trid tirbaħ Malta. “Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-Qorti toqgħod fuq l-opinjoni esperta, studjata u mirquma tal-Avukati Ġenerali, għaldaqstant qegħdin fit-triq it-tajba li tinqata’ l-prattika qerrieda tal-insib għall-għasafar tal-għana, wirt komuni Malti u Ewropew. Anke f’dan l-istadju diġà rebaħ l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Tilef il-gvern, tilfu l-PL u l-PN, tilfu populisti bħal Alex Agius Saliba u Peter Agius. Tilef David Casa li kemm-il darba ddefenda derogi li jmorru kontra l-protezzjoni tal-ambjent Malti. Tilfet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u Bernard Grech li tant ftaħru bid-derogi illegali. Tilfu Robert Abela u Clint Camilleri li ma jinteressahomx mill-ġid komuni, li jinkludi l-protezzjoni tan-natura Maltija. Tilfu l-kandidati tal-PL li jaħdmu kontra l-interessi vera ta’ Malta u kontra l-ambjent naturali Malti.”

“Infakkru li l-gvern diġà tilef każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fl-2018 u minkejja dan kompla jara kif jikser d-direttiva dwar l-għasafar. Infakkru li kemm il-PL u PN qed jigdbu meta jgħidu li d-derogi huma xi dritt jew awtomatiċi. Daħqu bikom. Infakkru li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib bl-iskuża tar-riċerka huwa biss qerq, qerq li l-Avukati Ġenerali tal-UE żgur ma waqgħux għalih, għax mhux boloh. Infakkru li min qed iwiegħed aktar derogi ta’ dat-tip huwa qarrieqi u giddieb, fuq quddiem nett il-kandidat Laburista Alex Agius Saliba u l-kandidat Nazzjonalista Peter Agius. L-uniku vot favur Malta u n-natura Maltija huwa vot lill-kandidati ta’ ADPD-The Green Party. L-Aħdar huwa l-kulur tal-progressivi u l-ambjentalisti fuq il-polza tal-vot tal-Parlament Ewropew.”

FacebookEmail