Meta Herbert Ganado kiteb dwar dak li seħħ f’pajjiżna lejn tmiem is-seklu 19 u tul is-seklu 20, huwa iddeskriva kif kien ra lil pajjiżna jinbidel speċjalment fir-rigward tal-ħajja tal-Maltin. Dan kienu jinkludu anke dawk li kienu avvanzi tajba għal dak iż-żmien bħal ngħidu aħna l-introduzzjoni tal-ferrovija bl-intenzjoni ewlenija li taqdi ‘l-militar imma kienet sservi bħala mezz ta’ trasport utli għaċ-ċittadin komuni.
Ġejt imfakkar f’dawn il-kitbiet meta riċentement żort l-istazzjon tal-ferrovija f’Birkirkara fejn l-ADPD tat ir-reazzjoni tagħha dwar il-proposti tal-metro – reazzjoni meqjusa fejn tqis il-bżonn ta’ mezz ta’ trasport tal-massa adegwat li jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-karozza privata li qegħda tkun kawża ta’ konġestjoni kbira fit-toroq tagħna minkejja it-twessigħ li sar!
Jiddispjaċini ngħid illi għalkemm anke f’dan il-każ qegħdin ukoll insofru minn snin twal ta’ nuqqas ta’ ippjanar hemm numru ta’ affarijiet li sforz in-nuqqasijiet kumulattivi ta’ gvernijiet immexxija mill-PLPN f’dawn l-aħħar 50 sena, komplew jiggravaw ħafna f’dawn l-aħħar snin.
Tispikka fuq kollox il-qerda ta’ l-ambjent bi żvilupp mhux sostenibbli kull fejn tħares. Jekk kien hemm prova ta’ kemm dan qiegħed isir bil-barka taż-żewġ partiti l-kbar hija l-intervista li ta r-Re tat-Torrijiet fejn iddikkjara li l-proġetti tiegħu jkun diġà iddiskutihom mal-politiċi li huwa. Hu jsostni li pajjiżna jiflaħ għal 100 sena oħra ta’ dan it-tip ta’ żvilupp. As if!
F’dawn l-aħħar jiem fakkarna ir-raba’ anniversarju tal-assassinazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. Anke jekk ma kontx taqbel ma dak li kienet tikteb żgur li xejn ma jiġġustifika il-qtil brutali ta’ persuna. Madankollu issa nafu li dak kien biss ‘the tip of the iceberg’ ta’ impunita’ kriminali li kienet (u għada?) tirrenja f’pajjiżna.
Semmejt li l-problemi ma bdewx biss f’dawn l-aħħar snin u nafu li jekk wieħed jmur lura jsib li pajjiżna m’għandu rekord xejn tajjeb t’infurzar ta’ liġijiet. Saħansitra dan kien parti mill-kaġun għala pajjiżna jinsab taħt dell ikrah speċjalment fejn jidħol il-qasam tan-negozju. Imma kif jistgħu jitkellmu b’wiċċhom minn quddiem l-esponenti tal-PLPN meta jgħidu li jridu jieħdu il-ġbir tat-taxxi bis-serjeta’ meta huma stess għandom jagħtu miljuni lil kaxxa ta’ Malta filwaqt li bit-taxxi tagħna nkomplu s-sostnu il-ħafna propaganda imxandra mill-media tagħhom?
Fit-tmenijiet konna noħorġu nipprotestaw u kien hemm ċans li naqilgħu xi xebgħa. Illum tista’ tgħid li l-protesti huma iktar ‘ittollerati’ imma finalment inħoss li huma injorati: Ħallihom jipprotestaw kemm iridu imma l-gaffa tibqa’ għaddejja!
U xi ngħidu għal budget li għadu kemm ġie preżentat – iva għal benefiċċji soċjali (jekk dawn ġew stmati bħala vijabbli finanzjarjament) imma le għal bżar fl-għajnejn: għajnuna lil bdiewa wara li ma nafx kemm saritilhom ħajjithom infern b’toroq għaddejjin minn fuq l-għelieqi tagħhom u waħedhom fil-ġlieda biex jkomplu jaħdmu l-għelieqi li ħafna minnhom ilhom jagħmlu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Ngħidu li rridu ninkoraġġixxu industriji ġodda imma fl-istess nifs ma nħarsux dak li għanda. Bħal fil-każ tar-raħal ta’ Wied il-Għajn fejn ngħix fejn il-proġett tal-marina imħabbar inkiss inkiss f’nofs is-Sajf huwa ta’ theddida għas-sajjieda li jaqilgħu l-għixien tagħhom u jipprovdu sors ta’ sigurta’ fl-ikel għal pajjiżna.
Anke fil-qasam soċjali jidher li morna lura. Kien jiġi mfaħħar il-kunċett ta’ kura fil-komunita’. Imma illum insibu żvilupp akbar ta’ istituzzjonijiet ċentralizzati li jistgħu jagħtu lok aktar għall-istanar tal-ftit b’kuntratti miljunarji li ħafna drabi jqajmu dubbji dwar ir-rettezza tagħhom.
Nista’ nibqa’ sejjer u insemmi ħafna affarijiet li mhumiex sejrin fid-direzzjoni t-tajba f’dan il-pajjiż u li nibża’ li jibqgħu sejrin hekk dment li l-PLPN jsibuhom komdi fl-alternanza tal-poter, bejniethom. Mhux ta’ b’xejn li minkejja ħafna proposti u diskussjonijiet jibqgħu joħolqu kull ostaklu biex partit żgħir ikissrilhom dan id-duopolju.
Jkunu biss rappreżentanti tal-ADPD fil-Parlament li jistgħu jġibu ftit bilanċ u jdaħħlu ftit sens fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għaliex huwa biss l-ADPD li mhuwiex fil-but tal-ebda negozjant li finalment jispiċċa jidderieġi il-politika nazzjonali.
Iva jkolli napoloġizza lil Herbert Ganado għaliex slift it-titlu tal-kitbiet tiegħu f’dan l-artiklu imma sfortunatament rajt Malta tinbidel… imma għall-agħar!
Brian Decelis
Uffiċjal tal-komunikazzjoni u Kandidat ta’ ADPD fuq it-3 u r-4 Distrett