Nuqqas ta' trasparenza u kliem irħis fuq l-enerġija

Ralph Cassar

“Il-qtugħ tal-elettriku madwar Malta kollha juri li minkejja r-retorika ta’ Konrad Mizzi u Joseph Muscat il-pajjiż għadu mhux ippreparat għal emergenzi ta’ dan it-tip”, qal Ralph Cassar, kelliem ta’ AD dwar l-enerġija, l-industrija u l-infrastruttura. “Inkella l-Gvern mhux qed ikun onest man-nies u mhux qed jispjega s-sitwazzjoni vera fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.”

“Il-mistoqsijiet li jqumu huma bosta. Il-programm ta’ manutenzjoni tal-Enemalta huwa biżżejjed? Jeżisti pjan ta’ kontinġenza għal meta jkun hemm qtugħ estensiv? Jista’ l-Gvern jispjega kif l-ajruport
internazzjonali – prattikament l-unika ‘triq’ lejn Malta – m’hemmx jew ma ħadmux ġeneraturi tal-elettriku biex jevitaw id-diżastru fl-iskedi tat-titjiriet, biex ma nsemmux il-problemi għal-linja nazzjonali, li diġa għandha problemi finanzjarji minħabba diversi fatturi oħrajn?”

“Huwa veru li qatt ma tista’ tingħata xi garanzij li ma jkunx hemm inċidenti imma huwa ċar li l-pajjiż jista’ jkun ippreparat ferm aħjar għal eventwalitajiet bħal dawn. Huwa ċar ukoll li r-retorika u l-battibekki ta’ bejn l-PL u l-PN speċjalment qabel l-elezzjoni tal-2013 iffukaw fuq aspetti populisti tal-ġenerazzjoni tla-eletrriku u naqsu milli jindirizzaw l-aspetti aktar importanti bħall-enerġija rinovabbli, l-apparat fi stat ta’ abbandun u antikwat tal-Enemalta, u l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi importati tal-enerġija. Wieħed ma jistax ukoll ma jikkummentax fuq l-wegħda li issa qed tirriżulta li kienet biss gimmick – dik li power station ġdida tibda tiffunzjona fi żmien sentejn. Kif jgħidu, l-kliem veru rħis!”.

FacebookEmail