Waqt konferenza stampa fil-Gżira, Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika qal: “F’din il-kampanja elettorali qed isir enfasi iktar mis-soltu dwar il-preżenza ta’ numru dejjem ikbar ta’ barranin fostna. Id-dibattitu ġustifikat huwa minħabba l-impatt ta’ dawn fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin minħabba domanda dejjem tikber għall-kiri ta’ residenzi li qed toħloq tbatija żejda għal min hu dipendenti mis-suq tal-kera. Dan mhux biss qed iservi biex jgħolli b’mod esaġerat il-kera ta’ propjetà residenzjali imma qed jintuża kontinwament bħala l-ġustifikazzjoni għall-ħsara dejjem ikbar fit-tessut urban tal-lokalitajiet tagħna.”
“L-agħar impatt imma huwa fil-kultura tal-mibgħeda kontra l-barranin, b’mod partikolari dawk ta’ ġilda skura li ilha tinbena u titkattar. L-inċidenti sporadiċi tas-snin passati kienu twissija li mhux kulħadd tahom importanza. Il-qtil kiesaħ u biered ta’ immigrant mill-Kosta tal-Avorju fil-bidu ta’ April hi tebgħa fuq il-pajjiż kollu għax hi l-kawża diretta ta’ din il-kultura ta’ mibgħeda li sfortunatament ġiet inkoraġġit kultant anke minn uħud fil-qasam politiku. Huwa neċessarju li l-forzi tal-ordni jieħdu passi iktar iebsa fil-konfront ta’ kull min ixerred il-mibgħeda għax din qed therri l-valuri bażiċi tas-soċjetà tagħna.”
“Il-politika tal-ażil tal-Unjoni Ewropea tibqa’ ibbażata fuq is-solidarjetà ta’ dawk vulnerabbli. Malta f’nofs il-Mediterran dejjem kellha missjoni dettata mill-ġografija imma msaħħa minn sens qawwi u b’għeruq fondi li jħaddnu is-solidarjetà b’mod inkundizzjonat. Hi missjoni li bħala pajjiż jeħtieġ li nibqgħu naqdu imma li dwarha neħtieġu dejjem iktar l-għajnuna u l-impenn tal-bqija tal-pajjiżi li jiffurmaw l-Unjioni Ewropea. Alternattiva Demokratika se tibqa’, kif għamlet dejjem tinsisti fuqil-ħtieġa lil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jerfgħu flimkien magħna r-responsabbiltà għal dan kollu.”
Fil-Gżira wkoll Jamie Mercieca, kandidat ta’ Alternattiva Demokratika ghall-Kunsill Lokali tal-Gżira qal li Alternattiva Demokratika tpoġġi l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Dan iseħħ billi nindirizzaw kontinwament il-kwalità tal-ambjent urban. Fil-Gżira dan ifisser il-ħtieġa li tkun indirizzata l-kwalità tal-arja, l-istorbju, l-attività ta’ kostruzzjoni bla waqfien, it-traffiku intensiv kif ukoll l-inkonvenjent ma jaqta’ xejn tal-industrija tat-turiżmu.
L-ispazji pubbliċi huma kontinwament ikkumerċjalizzati. L-iżvilupp ippjanat ta’ Manoel Island mhux biss ser jelimina l-aħħar pulmun fil-lokalità imma ukoll ser inaqqas l-aċċess tal-pubbliku għax-Xatt.”
Carmel Cacopardo zied: “Issa ħadu l-bankini ukoll b’mod li inħolqot problema ta’ aċċessibilità minħabba diffikultà kontinwa fl-użu tagħhom għax huma okkupati mill-imwejjed u s-siġġijiet. Dan qed joħloq ukoll diffikultajiet tar-residenti fl-aċċess għal djarhom kif ukoll problem biex l-iskart domestiku jinġabar b’mod effiċjenti.”“L-indafa tal-lokalità tista’ titjieb sostanzjalment mhux biss bl-organizzazzjoni aħjar tal-ġbir tal-iskart domestiku imma ukoll billi jkun indirizzat aħjar l-iskart ġġenerat mill-industrija tal-catering tul ix-Xatt li kontinwament qed toħloq kunflitti żejda mar-residenti. Fid-dawl ta’ dan hemm ħtieġa ta’ impenn ikbar mill-Kunsill Lokali li jeħtieġ li jkun fuq in-naħa tan-nies u dan f’kuntrast mal-Gvern tal-ġurnata li jiddeskrivi ruħu bħala business friendly. L-impatti tan-negozju fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti jeħtieġ li jkunu indirizzati bla iktar dewmien.”