L-Ewropa hija darna u l-futur tagħna. Imma, dan il-futur huwa mhedded. Il-politika neo-liberali u ta’ awsterita` qerdet il-ħajja ta’ miljuni u naqqret il-valuri fundamentali tagħna. Jekk irridu nippreservaw il-kisbiet tal-UE u nibnu fuqhom, dan huwa ż-żmien għal bidla fid-direzzjoni politika fundamentali u għat-tiġdid demokratiku tal-Unjoni Ewropea.
Biex inħarsu il-futur komuni tagħna rridu nibdlu l-Ewropa u nsaħħuha. Din hija r-raġuni għalfejn aħna l-Greens nemmnu f’aktar solidarjeta`, sostenibilita` u ġustizzja. Neħtieġu koperazzjoni ekonomika ġusta li tirrispetta r-responsabbiltajiet ekoloġiċi tagħna. Neħtieġu solidarjeta` fost u bejn il-ġnus tagħna. Neħtieġu demokrazija soda. Jeħtieġ li ngħixu l-valuri tagħna, imsejsa fuq ħelsien u liberta` kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.
L-Ewropa hija importanti biex tinbena s-soċjeta` sostenibbli, demokratika u ugwali li nixtiequ naraw isseħħ. Aħseb ftit: Nikkalmaw il-forzi tas-swieq finanzjarji u korporazzjonijiet globali, niġġieldu b’mod effettiv l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa, nibdlu s-sorsi ta’ enerġija fl-Ewropa biex nikkumbattu t-tibdil bla rażan fil-klima. Dawn huma kollha eżempji ta’ azzjonijiet urġenti li l-ebda pajjiż, lanqas l-ikbar fl-Ewropa, ma jista` jagħmilhom waħdu. Għandna bżonn koperazzjoni kollettiva fi ħdan l-UE biex nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod effettiv.
Bħala parti mill-European Greens, Alternattiva Demokratika se tkun qed tiffoka fuq dawn il-punti li ġejjin:
1.0 Id-Demokratizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej :
1.1 AD taħdem lejn demokrazija aktar diretta u parteċipattiva. Entitajiet eżekuttivi bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewopew jeħtieġ li jkunu kontabbli għall-azzjonijiet tagħhom.
1.2 AD taħdem għal UE li tħaddem demokrazija fuq livelli differenti, li tirrispetta s-sussidjarjeta` u li tqis id-diversita` bħala waħda mill-aħjar assi tagħha.
1.3 AD taħdem lejn il-ħolqien ta’ aktar spazji għall-NGOs, trade unions u partijiet oħra tas-soċjeta` ċivili. Din il-vuċi hija kruċjali fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi mibnija fuq il-prinċipji tad-diversita` u s-solidarjeta`.
1.4 AD taħdem lejn il-ħolqien ta’ Kummissarju tal-Pajjiżi Żgħar biex is-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom ikollha vuċi fl-istituzzjonijiet u deċiżjonijiet Ewropej.
2.0 Kontabilita` u Trasparenza
2.1 AD tinsisti biex tissaħħaħ it-trasparenza, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-kontabilitaʽ biex jilqgħu għal kontra l-korruzzjoni. Bħala Greens ser nibqgħu naħdmu għal aktar trasparenza fil-proċess kollu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea sal-istituzzjonijiet l-oħra kolha tal-UE sal-gvernijiet tal-pajjiżi membri inkluż Malta.
2.2 AD taħdem għad-drittijiet taċ-ċittadini biex jiddeterminaw il-futur tal-Unjoni billi żżidilhom l-għażla matul il-proċess leġizlattiv, u anke permezz ta’ referenda popolari.
3.0 It-Tibdil fil-Klima u Enerġija Alternattiva :
3.1 Bħala promoturi tar-responsabbiltaʽ ambjentali, speċjalment permezz tal-proposta tal-Green New Deal, AD tibqa’ tinsisti fuq politika Ewropea dwar l-enerġija li tkun kapaċi tikkumbatti t-tibdil fil-klima permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli u effiċjenti. AD tiżgura li l-Gvern Malti jagħti appoġġ kontinwu għall-politika dwar enerġija sostenibbli.
3.2 AD ser tieħu pożizzjoni b’saħħita kontra dawk li jridu jwaqqfu l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi sostenibbli.
3.3 AD tippromwovi leġiżlazzjoni favur trasport nadif, b’mod partikolari favur inċentivi għal sistema ta’ trasport li tista’ torbot fuqha.
4.0 Xogħol u l-Green New Deal :
4.1 Bħala parti mill-European Greens, AD tipproponi l-Green New Deal bħala strateġija għall-ħolqien tal-impjiegi. AD temmen li jeħtieġ ngħaqqdu l-forzi tagħna biex insawru l-futur tagħna. Minflok l-awsteritaʽ ekonomika li hija truxa soċjalment u għamja ambjentalment, aħna qed nagħmlu tliet proposti lejn it-triq tas-sostenibilitaʽ:
- Il-ġlieda kontra l-qagħad,
- Il-faqar u
- Kull forma ta’ inġustizzja soċjali
4.2 AD taħdem għal bidla ekonomika li toffri innovazzjoni, azzjoni fuq livell ta’ komunitaʽ u soluzzjonijiet eko-effiċjenti biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-qerda tal-ambjent.
4.3 AD taħdem biex tkun regolata mill-ġdid l-industrija finanzjarja biex tkun tista’ sservi l-ekonomija reali.
4.4 AD tistinka biex terġa tieħu l-ħajja l-inizjattiva Eko-Għawdex fost waħda mill-modi ta’ kif il-Green New Deal jista’ jissarraf fil-prattika lokalment biex tiżdied il-kompetitivita` u l-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex.
4.5 Il-kumpaniji zgħar u medji huma kruċjali f’dan ix-xenarju. AD tkun fuq quddiem biex tara li ma tkomplix titħaddem filosofija fejn kull pajjiż jitqiegħed f’keffa waħda biex b’hekk ikun jista’ jinħoloq iktar xogħol mingħajr burokrazija żejda.
4.6 AD taħdem lejn it-tisħiħ tal-mudell tal-Koperattivi bħala kontra-diskors għall-mudell ekonomiku mibni fuq soluzzjonijiet individwali.
5.0 Drittijiet Diġitali:
5.1 Il-Greens fil-Parlament Ewropej huma fuq quddiem tal-ġlieda għad-drittijiet diġitali. Il-Greens għenu biex jitwaqqaf l- Anti-Counterfeit Trade Agreement (ACTA) u qegħdin jaħdmu għall-protezzjoni sħiħa tal-informazzjoni personali, għad-dritt għall-privatezza u għal newtralitaʽ stretta tal-internet. AD tibqa’ taħdem biex ma terġax tinbet politika bħal din li minn żmien għal żmien terfa’ rasha.
5.2 AD tinsisti fuq difiża u protezzjoni effettiva u konkreta taċ-ċittadini Ewropej u tal-internet kontra sorveljanza minn korporazzjonijiet u gvernijiet intrussivi u biex jitħarsu id-drittijiet fundamentali f’din l-era diġitali. L-informazzjoni personali hija propjeta` taċ-ċittadin individwali, mhux ta’ kumpaniji u gvernijiet. Il-privatezza trid tkun rispettata.
6.0 Il-Migrazzjoni:
AD fil-Parlament Ewropew issemma’ leħinha dwar il-ħtieġa ta’ bidla radikali fil-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.
6.1 Eluf ta’ nies trasportati minn traffikanti bla kuxjenza imutu barra x-xtut tal-Ewropa kull sena. AD tippromwovi politika li permezz tagħha persuni jkunu jistgħu ifittxu protezzjoni permezz ta’ dħul legali fl-UE per eżempju billi tinħarġilhom visa umanitarja.
6.2 AD taħdem biex tkun imfassla sistema ta’ ażil li jkun jistħoqqilha li tissejjaħ b’dan l-isem.
6.3 AD tkompli taħdem favur aktar sforzi mill-UE u l-istati membri tagħha biex nikkordinaw aħjar u naħdmu aktar id f’id fil-qasam tar-‘rescues at sea’.
6.4 AD irnexxielha taħdem biex fil-Manifest tal-European Greens tidħol klawsola biex jitneħħew ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Dublin II. Dawn ir-regoli iġiegħlu r-refuġjati jibqgħu fl-istess pajjiż tal-UE fejn ikunu applikaw għall-ażil għall-ewwel darba, b’hekk joħolqu piż sproporzjonat fuq pajjiżi bħal Malta. Membru tal-AD fil-Parlament Ewropew ikompli jaħdem biex jikkonvinċi lill-PPE u lill-PSE li s’issa urew biss simpatija lejn l-isfidi li għandha Malta f’dan ir-rigward, biex jaċċettaw it-tneħħija tar-regoli ta’ Dublin II.
6.5 AD fil-Parlament Ewropew tinsisti fuq relazzjonijiet barranin adekwati flimkien ma politika diċenti dwar żvilupp u kummerċ, li jindirizzaw il-fatturi li jwasslu biex persuni ma jkollhomx għażla ħlief li jemigraw.
7.0 Drittijiet Umani:
L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjita` umana, il-ħelsien u d-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett lejn il-liġi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Greens ma jagħmux kompromessi dwar id-drittijiet umani. Il-pluraliżmu, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetaʽ u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jeħtieġ li jirrenjaw.
7.1 AD taħdem għal rappreżentanza ugwali ta’ nisa fl-istituzzjonijiet lokali u tal-UE permezz ta’ azzjoni affermattiva.
7.2 AD fil-Parlament Ewropew tkompli taħdem biex jitneħħew prattiċi ta’ diskriminazzjoni lejn persuni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew diżabilitaʽ (fost oħrajn), fejn għadhom jeżistu kemm lokalment u fuq livell Ewropew. Nassiguraw li azzjonijiet bħal dawn isiru parti mill-liġi Maltija u jiġu implimentati b’mod effettiv fil-prattika.
7.3 AD tkompli taħdem biex tmexxi ‘l quddiem il-pożizzjoni li l-Greens ilhom li ħadu biex id-direttiva ta’ kontra d-diskriminazzjoni (Anti-Discrimination directive) issir direttiva dwar l-ugwaljanza sħiħa.
8.0 Solidarjetaʽ mhux Awsteritaʽ:
8.1 AD taħdem kontra t-tnaqqis neo-liberali tar-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji immexxija mill-kilba għall-profitt, u li wasslet għall-kriżi finanzjarja dinjija ta’ bħalissa. Il-kriżi heddet jew qerdet ħafna kisbiet soċjali, demokratiċi u ekonomiċi. Il-mediċina tal-awsteritaʽ li ġiet mogħtija lill-pajjiżi li ilhom fi kriżi għal ħafna snin issa, żiedet il-qasmiet soċjali u l-inġustizzji, naqqset il-kwalitaʽ tal-ħajja ta’ ħafna ċittadini Ewropej, imminat il-kapaċitaʽ ta’ diversi soċjetajiet li jistagħnew, u essenzjalment, dgħajjfet id-demokrazija. Illum 25% tal-Ewropej jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali; 27 miljun jinsabu bla xogħol, fosthom wieħed jew waħda minn kull żagħżugħ jew żagħżuha Ewropej! Dawk li huma l-aktar vulnerabbli jispiċċaw iħallsu l-ogħla prezz għal din il-kriżi.
8.2 Permezz tal-preżenza tagħha fil-parlament Ewropew, AD issemma’ leħinha dwar in-nuqqas ta’ sostenibilitaʽ tal-mudell ekonomiku li għandna u li qiegħed ikompli jsaħħaħ il-kriżi ambjentali. AD tinsisti li politika mfassla fuq il-preżent jew futur qrib biss ma tagħmilx sens. Irridu nħarsu iktar fit-tul. Barra minn hekk ma nistgħux nibqgħu nakkomodaw l-interessi egoisti tal-ftit. AD taħdem biex tnaqqas il-politika ta’ bini sfrenat fil-kuntest lokali li hija riżultat ta’ dan il-mudell ekonomiku li jippremja lill-ftit u jikkastiga l-kumplament.
9.0 Is-Sostenibilita`
9.1 AD taħdem lejn diskors li jpoġġi s-sostenibilita` fil-qalba ta’ kull deċiżjoni ekonomika maġġuri kemm lokalment kif ukoll fl-UE.
9.2 AD, bħala parti mill-Greens Ewropej, tipproponi l-ħolqien ta’ Organizzazzjoni Dinjija tal-Ambejnt billi tgħaqqad u tespandi r-rwol ta’ aġenziji differenti u maqtugħin minn xulxin li diġa jeżistu fi ħdan il-Ġnus Magħquda.
9.3 AD tinsisti li ma nistgħux inkejlu l-kwalitaʽ tal-ħajja f’termini ta’ flus biss: għandna bżonn indikaturi ġodda biex jikkumplimentaw u jibnu fuq il-Prodott Gross Domestiku (GDP) bħala kejl ta’ prosperitaʽ sostenibbli u kwalitaʽ tal-ħajja.
9.4 AD temmen li l-ambjent naturali divers tal-Ewropa huwa sabiħ u l-valur tiegħu imur lil’hinn mill-flus. Bħala partit Green, AD temmen li l-iżvilupp sostenibbli jfisser immaniġġjar bil-għaqal tar-riżorsi naturali sabiex ulied uliedna ikunu jistgħu jgħixu f’dinja li tagħmel sens. Irridu nnaqqsu l-impatt tagħna fuq l-ambjent naturali u l-konsum tar-riżorsi u naraw li nkunu nistgħu nerġgħu nużuw, insewwu jew nirriċiklaw ħafna mill-affarijiet li nużaw minflok nibqgħu bil-mentalitaʽ li nużaw u narmu. AD fil-Parlament Ewropew tiżgura li l-immaniġġjar tar-riżorsi limitati li għandha Malta jingħata l-importanza li jixraqlu speċjalment l-immaniġġjar tal-iskart, l-użu tal-ilma u tal-art u li Direttivi li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam jidħlu b’mod effettiv fil-liġi Maltija.
9.5 AD fil-Parlament Ewropew tiżgura li l-miri Maltin għall-enerġija li tiġġedded ikunu rispettati u nibnu fuqhom.
9.6 AD trid tara li tingħata importanza lill-ħarsien tal-ambjent u l-bijodiversita`. AD tkompli tinsisti li l-ispirtu tad-Direttiva tal-Għasafar (Birds Directive) jiġi rispettat billi ma titħalliex issir kaċċa fir-rebbiegħa.
9.7 AD taħdem biex jerġgħu jibdew jitħaddmu r-restrizzjonijiet fuq il-Prodotti Modifikati Ġenetikament (GMOs) (li kienu tneħħew mill-ex-Kummissarju John Dalli) biex inkunu żguri li varjetajiet naturali li huma l-garanzija tal-produzzjoni u l-provediment tal-ikel b’mod partikolari, ma jkunux kontaminati, meqruda jew kontrollati minn kumpaniji multinazzjonali.
10.0 Strateġija għaċ-Ċentru tal-Mediterran:
10.1 AD tinsisti li tiġi fis-seħħ strateġija għall-Mediterran. Wara li l-UE irnexxielha timplimenta b’suċċess strateġija għall-pajjiżi Baltiċi u oħra għad-Danubju, wasal iż-żmien li nfasslu strateġija għall- Mediterran. AD temmen bis-sħih li strateġija wiesgħa tkun ta’ valur għall-politika Ewropea u għal inizjattivi ta’ żvilupp reġjonali. Kemm il-pajjiżi membri tal-UE kif ukoll stati li m’humiex membri jistgħu jaħdmu flimkien ħafna aktar biex jiżguraw li ċ-Ċentru tal-Mediterranean jistagħna ekonomikament, soċjalment u ekoloġikament.
11.0 L-użu tal-Art u tal-Ilma:
11.1 Membru Parlamentari Ewropew ta’ AD jaħdem biex jiżgura li d-direttivi tal-UE jiġu infurzati biex jipproteġu r-riżorsi tagħna tal-ilma.
11.2 AD taħdem biex twaqqaf it-teħid illegali tal-kosta u l-kampanja tagħna, li qegħdin hemm biex jitgawdew minn kulħadd. Naraw li l-Armier u żviluppi oħra illegali jiġu indirizzati skont il-liġi.
MPE GREEN MALTIN: GĦALFEJN?
Jekk intellgħu lil Arnold Cassola jew lil Carmel Cacopardo bħala MPE, aħna l-Maltin inkunu qed niksbu tlett għanijiet: inkunu qed inkissru darba għal dejjem il-mentalita` tribali taż-żewġ partiti li ilha toħnoq il-politika Maltija għal dawn l-aħħar 50 sena; ikollna iktar saħħa fl-Ewropa minħabba li l-poplu Malti ikun rappreżentat għall-ewwel darba fit-tielet grupp – Il-grupp tal-Greens- fil-Parlament Ewropew; inkunu qed nagħtu garanzija li diġa għaddiet mill-għarbiel ta’ trasparenza, kontabilita` u vuċi ta’ raġuni liċ-ċittadini u komunitajiet diversi.
FLIMKIEN NISTGĦU NASLU: AĦNA L-EWROPA!
