Spiss nisimgħu kemm l-SMEs (il-kumpaniji żgħar u medji) huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ Malta – u hekk hu. Nisimgħu wkoll fuq il-benefiċċji tas-suq ħieles – imma fil-fatt ħafna drabi s-suq ma jkun ħieles xejn, bil-kumpaniji l-kbar, il-multinazzjonali, jiddettaw xi jsir u ma jsirx.
Ħu per eżempju l-ftehim ‘TTIP’ li qed jiġi negozjat bejn l-UE u l-Isati Uniti – bil-Gvern Malti u l-PN u l-PL fil-Parlament Ewropew mid-dehra favurieh sal-aħħar virgola – dan il-ftehim mid-dehra se jagħti l-possibilta’ lill-multinazzjonali jiddettaw u jfittxu l-Gvernijiet f’qrati sigrieti jekk iwettqu politika li ma ddoqqx għal widnejhom.
Nieħdu l-eneġija nadifa bħala eżempju u nistaqsu: kumpaniji taż-żejt li diġa huma issussidjati f’ħafna pajjiżi biex ikomplu jħammġulna l-arja – se jkunujistgħu iwaqqfu pajjiż milli jagħti preferenza lil sorsi nodfa tal-enerġija?
Niġu għal Malta – u n-nuqqas ta’ ppjanar li qed joħloq ħafna problemi għall-SMEs fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Dawn l-SMEs qed ikunu żvantaġġjati. Sena wara sena ma jistgħux jippjanaw fit-tul għax l-iskemi tal-Gvern dwar l-enerġija nadifa u l-fotovoltajiċi mhux ippjanati u mħabbra għal tul ta’ żmien iżda jitħabbru meta jfettillu l-Gvern tul is-sena u bl-iskema valida għal sena waħda biss.
Is-serjeta’ titlob li – jekk il-Gvern verament irid jilħaq il-miri verament minimi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli ta’ 10% sal-2020 – r-rati ta’ sussidju u l-investiment tal-Gvern f’dal-qasam tant importanti għal saħħitna, għall-ekonomija u anke għal aktar xogħol teknoloġiku, jitħabbru bil-quddiem u jkunu mifruxa fuq numru ta’ snin. L-ippjanar f’dal-qasam kien fjakk u baqa’ fjakk – il-PN u l-PL m’għandhomx l-ambjent bħala prijorita’ u bil-kelma ‘ambjent’ jifmhu xi żewġt t’iqsari quddiem Kastilja.
L-isfida tal-bidla fil-klim tfisser li rridu nippjanaw u ninvestu fit-tul – ilna wisq nitilfu żmien. It-tarzna, bil-ħiliet tal-ħaddiema li kellha setgħet tinbidel f’industrija ta’ apparat ta’ enerġija nadifa, minn fotovoltajiċi, sa turbini tar-riħ. Il-proposti ta’ AD dakinhar ġew injorati. Minn dakinhar ‘l hawn tlifna ħafna żmien, u l-enerġija nadifa għadha mhix prijorita’.
Nistednuk tagħti ħarsa lejn l-istrateġija ‘Green New Deal’ – viżjoni u azzjonijiet konkreti għal ekonomija sostenibbli u ambjent u klima aħjar: http://greennewdeal.eu/