Ftit tal-ġranet ilu, il-Fondazzjoni Ceratonia, flimkien mal-Green European Foundation, organizzat seminar dwar il-green jobs f’pajjiżi żgħar. Il-kelliema ppreżentaw riċerka li għamlu f’dan il-qasam b’konnessjoni ma’ dan is-suġġett. Bħala wieħed mill-kelliema, involvejt ruħi f’riċerka flimkien ma’ żewġ soċjologi oħra – Maria Brown u Diana Aquilina – dwar perspettivi mis-soċjetà ċivili dwar il-green jobs f’Malta, b’enfasi fuq l-enerġija sostenibbli. Fir-riċerka kkonsultajna ma’ rappreżentanti ta’ unjins u għaqdiet ambjentali. Sfortunatament, ma kellniex rispons mill-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Hemm bosta definizzjonijiet ta’ x’inhuma ‘green jobs’, li jinkludu dik tal-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda, li titkellem dwar xogħol fl-agrikultura, manifattura, riċerka u żvilupp, amministrazzjoni u servizzi li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali fil-preservazzjoni jew biex tiġi restawrata l-kwalità tal-ambjent.
Il-Green Jobs qed jiżdiedu madwar id-dinjja, iżda tajjeb li wieħed ipoġġi kollox f’kuntest ekonomiku, politiku u soċjali. Per eżempju, jista’ jkun li politika ambjentali stretta wisq tista’ twassal sabiex xi investiment jiċċaqlaq lejn pajjiżi b’regoli inqas stretti. Jista’ jkun ukoll li jinħolqu tipi differenti ta’ green jobs, li fost oħrajn ivarjaw minn dawk b’kundizzjonijiet tajbin u pagi għoljin għal dawk prekarji, b’nuqqas ta’ sigurtà u b’pagi baxxi. Għalhekk, bħalma jissuġerixxu s-soċjologi Angelov u Jonannson, tajjeb li wieħed iqis il-kwalità, u mhux biss il-kwantità ta’ green jobs.
Skond il-politka nazzjonali għall-ambjent proposta mill-Gvern Malti, f’pajjiżna għandhom jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ green jobs. Mingħajr ma jagħti dettalji ċari, il-Gvern qed jipproponi żieda ta’ impjiegi ta’ dan it-tip b’50 fil-mija sal-2015, kif ukoll li pajjiżna jkollu strateġija ċara u inkubatur għall-industrija ħadra qabel din id-data.
F’dan il-kuntest, u b’enfasi fuq il-qasam tal-enerġija sostenibbli, tajjeb li jiġi rikonouxxut li Malta, bħala l-iżgħar pajjiż fl-UE, għandha wieħed mill-iktar rati għoljin ta’ tunnellaġġ ta’ żejt għal kull persuna, u qegħda fl-aħħar post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ użu ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE. Ġaladarba pajjiżna jista’ jagħmel użu minn enerġija mix-xemx u mir-riħ, jeżistu opportunitajiet kbar fil-qasam tal-enerġija sostenibbli. Dan jinkludi xogħol fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll xogħol ieħor bħal dak li għandu x’jaqsam mal-kostruzzjoni ta’ bini li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u t-titjib ta’ bini eżistenti f’dan ir-rigward.
Politika favur enerġija sostenibbli tista’ mhux biss toħloq ix-xogħol, iżda tista’ tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tnaqqas id-dipendenza fuq enerġija maħmuġa u skarsa miż-żejt, gass u sorsi oħra. Dan ikun ta’ benefiċċju għas-sigurtà u l-kompetittività.
Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u tal-kriżi ekoloġika, jidher biċ-ċar li dipendenza fuq enerġija maħmuġa m’hijiex xi ħaġa sostenibbli. Huwa għalhekk li l-Ħodor Ewropej, permezz tal-politika tal-Green New Deal, huma fost il-promoturi ewlenin tal-green jobs. Prijorità ewlenija f’dan il-qasam hi li l-UE tipproduċi l-enerġija kollha tagħha minn sorsi rinnovabbli sal-2050. Il-Ħodor Ewropej qed jipproponu wkoll li sas-sena 2020, u mqabbla mas-sena 1990, mill-inqas 20 fil-mija tal-enerġija fl-UE tkun rinnovabbbli, filwaqt li l-emissjonijiet CO2 jonqsu b’40 fil-mija fl-istess perjodu, bħalma qed jirrakkomandaw xjentisti ewlenin f’dan il-qasam. Fl-istess ħin, għandu jkun hemm grid Ewropew tal-enerġija.
Wara ħafna negozjati u diskussjonijiet, l-UE għażlet politika inqas ambizzjuża, jiġifieri li tnaqqas l-emissjonijiet CO2 b’20 fil-mija u li l-enerġija rinnovabbli tkun 20 fil-mija tat-total sal-2020. Malta hi obbligata li tipproduċi 10 fil-mija tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sal-istess sena, u tista’ żżid l-emissjonijiet CO2 b’ħamsa fil-mija meta mqabbla mal-1990.
Fir-riċerka li jien għamilt flimkien ma’ Maria Brown u Diana Aquilina, irriżulta li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jirrikonoxxu li politika favur enerġija sostenibbli tista’ toħloq il-green jobs, u huma tal-opinjoni li l-benefiċċji huma ikbar minn riperkussjonijiet negattivi bħall-possibilità li jintilfu xi impjiegi f’xi setturi oħra. Iżda s-soċjetà ċivili qed turi tħassib li jista’ jkun sitwazzjonijiet ta’ inguwaljanza f’dan il-qasam, bħal m’hu x-xogħol prekarju.
Irriżulta li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jappoġġjaw il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, li jgħaqqad prijoritajiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Fil-fatt, kien hemm enfasi fuq il-bżonn ta’ politika iktar ħolistika u inklussiva f’dan il-qasam, permezz ta’ konsultazzjoni u diċentralizzazzjoni, fejn l-istat jaħdem bi sħab mas-soċjetà ċivili, u fejn jista’ jkun hemm politika fuq livelli varji, kbar u żgħar, bħal m’huma l-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej.
Per eżempju, kunsill lokali jista’ faċilment jgħin sabiex jinħolqu l-green jobs, jekk, per eżempju jiddeċiedi li juża enerġija rinnovabbli għall-bozoz. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, li jinkludi rappreżentanza tal-Alternattiva Demokratika permezz tal-kunsillier Ralph Cassar, huwa xhieda ta’ dan.
Għalhekk, f’pajjiżna teżisti kuxjenza dwar il-potenzjal tal-green jobs. Dan jawgura tajjeb għall-opportunitajiet, sfidi, antagoniżmi u deċiżjonijiet li s-soċjetà Maltija se tesperjenza fis-snin li ġejjin.
Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika
temp1.studio2point3.com/ad/.mt
Il-Gens Illum 5 ta’Novembru 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=11472