Waqt konferenza stampa l-Belt Valletta illum filgħodu ċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola qal li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma dgħajfa. “Huma dgħajfa u mhux kapaċi jieqfu lil min ma jimxix sew għax ġew iddisinjati hekk apposta tul is-snin mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista. Ġew iddisinjati biex ikunu taħt il-kontroll tal-Gvern, b’sistema fejn kollox jiddependi mill-Prim Ministru.”
Il-kelliem ta’ AD Ralph Cassar qal:”Saħansitra l-Parlament ma jispirax fiduċja. Min-naħa tal-Partit Laburista għandek parlamentari li għalqu għajnejhom fil-każ ta’ Konrad Mizzi. Ministru li baqa’ jgawdi l-fiduċja tal-Parlament minkejja li fetaħ kumpaniji sigrieti f’tax haven. Niftakru li l-Panama hu assoċjat mal-ħasil tal-flus maħmuġin u fejn jinħbew il-flus li joriġinaw minn attività illeċita. Lanqas ma l-Parlament talab għat-tneħħija taċ-Chief of Staff Keith Schembri. Dan biex ma nsemmix istituzzjonijiet oħra bħall-Pulizija, li għalihom qisu ma ġara xejn.”
“Wara li l-Gvern ta’ Gonzi ivvinta l-assistenti parlamentari biex jagħti ċ-ċejċa lill-backbenchers Nazzjonalisti, Joseph Muscat appunta lill-backbenchers Laburisti bħala Chairpersons ta’ awtoritajiet u entitajiet pubbliċi, biex itihom rigal ta’ eluf kbar ta’ Ewro f’salarji. Dawn il-manuvri jimminaw l-awtonomija tal-Parlament u jrendu lill Membri Parlamentari pupazzi. Il-kunflitti ta’ interess issibhom ukoll fl-Oppożizzjoni, li mid-dehra lanqas ma tara xejn ħażin fil-fatt li l-Membri Parlamentari tagħha jkunu konsulenti tad-db Group, per eżempju. Simon Busuttil jista’ jgħidilna kemm mill-kandidati avukati tal-PN daħħlu commissions mill-iskema oxxena tal-IIP? U xi ngħidu dwar is-sistema ta’ kumpaniji fiduċjarji li tqajjem ħafna mistoqsijiet, b’membri parlamentari mill-PN u l-PL, kandidati involuti bħaladiretturi ta’ kumpaniji bħal dawn? Jista’ Beppe Fenech Adami jgħidilna għaliex ma ivverifikax l-affarijiet sew qabel sar direttur tal-kumpanija fiduċjarja Capital One, investigata fuq ħasil ta’ flus mit-traffikar tad droga?”
Il-kelliem ta’ AD Mario Mallia qal:”Il-Membri Parlamentari għandhom ikunu full-timers mhux biss għax hemm ħafna xogħol parlamentari li għandu jsir imma fuq kollox biex ikun iktar possibbli li jkun evitat il-kunflitt ta’ interess bejn ir-responsabbiltajiet parlamentari u dawk professjonali jew li jirriżultaw mix-xogħol. M’għandux ikun possibbli għal Membru Parlamentari li waqt li jkun fil-ħatra jagħmel kwalunkwe xogħol ieħor. Dan jinkludi li Membru Parlamentari ma jkunx jista’ jinħatar fuq Bordijiet ta’ awtoritajiet u kummissjonijiet kemm dawk maħtura fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Għandu ikun regolat il-lobbying mingħajr iktar dewmien u dan biex ikun hemm iktar trasparenza dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.”
“Huwa ċar li l-PL u l-PN tul is-snin ma urewx interess li jsaħħu l-istituzzjonijiet. Jemmnu fil-mantra ‘il-gvern tagħna u nagħmlu li rridu’. Biex ikun hemm checks and balances fil-politika importanti li jkun hemm partit politiku indipendenti mill-PN u PL. Aħna tal-AD biss nistgħu naqdu din il-funzjoni. Vot lil AD huwa vot b’messaġġ ċar: nirrifjuta s-sistema ta’ manuvrar tal-PN u l-PL, fejn kollox jibqa’ l-istess.”
Vot Alternattiv ifisser Vot Nadif.