Illum wara nofsinhar, delegazzjoni mill-ADPD magħmula miċ-Chairperson, il-Perit Carmel Cacopardo, id-deputat Chairperson Mario Mallia, u Mina Tolu Segretarju Internazzjonali, iltaqgħet mat-tmexxija tal-Malta Union of Teachers. Fil-laqgħa l-President tal-MUT Marco Bonnici spjega l-proposta li qed tagħmel il-unjin msejjħa Malta Education, li hija intiża sabiex il-professjoni tal-edukaturi tagħmel pass importanti ‘l quddiem fil-kundizzjonijiet u l-istima li għandha tgawdi. Minn naħa tagħha, ADPD spjegat kif il-manifest elettorali tagħha jiffoka prinċipalment fuq il-bżonn li l-investiment fl-edukazzjoni jipprijoritizza lin-nies li jħaddmu s-sistema jiġifieri l-edukaturi.
Saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm spazji ikbar biex il-politika edukattiva tinħema mill-iskejjel iktar milli miċ-ċentru u kif pajjiżna għandu jkollu fiduċja ikbar fl-edukaturi.
ADPD għaldaqstant ipproponiet li ftehim kollettiv ġdid għandu jesplora iktar spazji li fihom l-edukaturi jkunu jistgħu jaħdmu iktar flimkien. Fil-laqgħa ssemma l-bżonn li l-professjoni ssir iktar attraenti biex tiġbed lejha l-aħjar elementi. ADPD tenniet ukoll il-proposta tagħha li l-istipendji tal-istudenti post-sekondarji għandhom jiżdiedu għal ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima sabiex l-istudenti jiġu nkoraġġiti iżjed jistudjaw.