Laqgħa Ġenerali Straordinarja
16 ta’ Settembru 2017
Diskors tal-Għeluq
Carmel Cacopardo – Chairperson AD
L-ewwelnett grazzi lilkom ilkoll li ġejtu illum għal din il-laqgħa ġenerali straordinarja.
It-tema li għażilna hi dwar l-impenn ta’ kull wieħed minna favur il-politika nadifa. Għax il-politika nadifa ma taqax mis-sema. Teħtieġ l-impenn ta’ kull wieħed minna biex flimkien niġġieldu kontra kull xorta ta’ ħmieġ kif ukoll biex kontinwament nippreżentaw u nmexxu ‘l quddiem alternattivi politiċi li jixirqu lil dan pajjiżna.
Kull laqgħa ġenerali hi għalina okkażjoni ta’ tiġdid. Imma tal-lum b’mod partikolari għax ġiet f’mument kritiku ħafna.
Għadna kif ħriġna, ftit iktar minn 100 jum ilu, minn kampanja elettorali fejn ħtieġilna nieħdu deċiżjoni importanti. Deċiżjoni li ħadniha għax għażilna li nkunu konsistenti. Dan għamilnieh b’differenza minn min momentarjament għażel li jinsa kollox u b’mod Makkjavelljan ipprefera jiffoka fuq il-gwadann immedjat u fl-istess ħin jagħlaq għajnejh għal dak li kien qiegħed jiġri madwaru.
Għażliet kredibbli u konsistenti
Stajna kieku ridna anke aħna ngħaqqadna mal-Partit Nazzjonalista f’alleanza pre-elettorali. Imma minflok għażilna li ninsistu għal spjegazzjoni għall-imġieba inaċċettabbli tat-tmexxija tal-PN u dan flimkien ma insistenza li l-forma ta’ alleanza eventwali, jekk din kellha sseħħ, kellha tkun waħda li tirrispetta l-identità ta’ kull partit li jifforma din l-alleanza.
Ma kienitx imġieba aċċettabbli li qisu ma ġara xejn meta kien żvelat li l-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami għamel żmien Direttur tal-kumpanija Capital One li kienet investigata fuq ħasil ta’ flus suspettati li ġew mid-droga.
Ma kienx aċċettabbli li qisu ma ġara xejn meta l-Onorevoli Claudio Grech iddikjara li ma kienx jiftakar jekk qattx iltaqa’ ma’ George Farrugia li ngħata l-proklama dwar l-iskandlu taż-żejt. L-anqas ma kien aċċettabbli li l-Viċi-Kap l-ieħor tal-PN Mario de Marco jinnegozja mal-Gvern għan-nom tal-klijenti tiegħu meta xogħlu hu li fil-Parlament jagħrbel dak li jkun qiegħed jagħmel il-Gvern.
Kif tista’ tkun kredibbli meta tifforma alleanza favur il-governanza tajba ma’ dawn in-nies?
L-għażliet li għamilna, bla dubju, kienu kontroversjali għax mhux kulħadd fehem u apprezza li l-gwadann immedjat mhux ġustifikabbli jekk biex tasal għalih teħtieġ tarmi l-kredibilità tiegħek il-baħar. Kien hemm min dehrlu li din kienet opportunità unika u li Alternattiva Demokratika kellha tagħmel bħan-nagħaġ ta’ Bendu, akkost ta’ kollox.
Ħadna deċiżjoni tajba, imam, kif kien antiċipabbli, intlaqatna ħażin għax fl-elezzjoni ġenerali naqqasna l-voti b’madwar 50%. Dan ġara għax m’aħniex organizzati biżżejjed: għad m’għandniex il-kapaċita organizzattiva b’saħħitha biżżejjed biex tiflaħ għad-daqqiet li qlajna. Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Ġrat anke fl-elezzjoni ġenerali tal-2003 meta kien hemm min deherlu li kellna nwarrbu min-nofs. Imma għadna hawn.
Il-ħtieġa ta’ tisħiħ organizzattiv
Jeħtieġ li nissaħħu biex fil-futur inkunu nifilħu għal daqqiet ta’ din ix-xorta. Dan nagħmluh billi nagħtu iktar attenzjoni u niddedikaw iktar enerġija lill-attiviżmu politiku imżewweġ mal-ħidma ċentrali tagħna bħala l-partit ekoloġista f’Malta. Billi naraw li nkunu preżenti f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.
Konna preżenti b’mod adegwat fil-medja soċjali, presenza li nistgħu nsaħħu u ntejbu. Dan bla dubju hu utli ħafna. Imma kif nafu lkoll il-medja soċjali filwaqt li hi għodda tajba u tista’ tkun effettiva ħafna, mhiex sostitut għall-attiviżmu politiku. Anzi nżid ngħid li jekk l-użu tagħha ma jkunx iffukat hemm il-possibilità li tista’ isservi wkoll ta’ ħsara.
L-attiviżmu politiku tagħna jrid jagħti leħen lil min hu dgħajjef inkella hu bla vuċi. Meta dan nagħmluh b’mod iktar organizzat ma nkunux qed nipprietkaw minn fuq il-pulptu politiku iżda nkunu iktar viċin l-egħruq, qrib il-muġugħ u l-milqut. Inkunu qrib dawk li dawrulhom darhom b’bini għoli u qatgħawlhom l-aċċess għax-xemx, dritt li tagħtihulhom in-natura imma li kontinwament jiġi esproprjat mill-ispekulaturi bil-barka tal-awtoritajiet. Inkunu qrib ta’ min irid igawdi n-natura fil-pajsaġġ Malti imma jħossu mhedded mit-tir taċ-ċomb, fi żmien imbierek mill-awtoritajiet u anke fi żminijiet oħra. Inkunu qrib ta’ min irid jistrieħ bil-kwiet u ma jistax bl-istorbju ta’ kull xorta madwaru.
Dan kollu u iktar għamilnieh. Li ma wasalniex ifisser li jeħtieġ li naħdmu iktar u aħjar.
L-aġenda tagħna favur in-nies bla vuċi
Tul is-snin Alternattiva Demokratika tat kontribut biex fuq l-aġenda politika iddaħħal l-apprezzament tal-ambjent, it-trasparenza u kontabilità u diversi drittijiet ċivili fosthom id-dritt tad-divorzju u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. B’sodisfazzjoni innotajna li anke l-proposta tagħna tad-dritt tal-vot mas-16-il sena ħadu mill-manifest elettorali tagħna, oriġinalment dak tal-2008.
Il-ġimgħa l-oħra Joseph Muscat ħabbar inizzjattiva oħra mill-manifest elettorali ta’ Alternattiva Demokratika, din id-darba dak l-aktar riċenti, tal-2017: dik li tibda konsultazzjoni pubblika dwar l-eliminazzjoni mit-toroq tagħna ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesel. Pass tajjeb li kif ilna ninsistu, meta jitwettaq itejjeb il-kwalità tal-arja għal kulħadd kif ukoll inaqqas l-inċidenza tal-mard respiratorju.
Imma s-sens komun kien jitlob li f’dan il-mument kien ikun opportun ukoll kieku l-Gvern ħabbar moratorju immedjat fuq il-ħruġ ta’ permessi ġodda ta’ żvilupp ta’ petrol stations li donnhom qed ifaqqsu ma’ kullimkien. La għandna bżonnhom illum u wisq inqas ikollna bżonnhom meta naslu biex neliminaw mit-toroq tagħna l-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel u nissostitwuhom b’karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Meta wieħed iqis li l-policies tal-ippjanar illum jippermettu li petrol station ġdida tibla’ 3000 metru kwadru ta’ art hu neċessarju li jitħabbar moratorju immedjatament biex il-problema tal-impatti tal-petrol stations ippjanati fuq ir-residenti u l-kampanja ma issirx agħar milli hi.
Filwaqt li hu tajjeb li l-Gvern issellef l-ideat ta’ Alternattiva Demokratika dwar l-eliminazzjoni tal-karozzi tal-petrol u d-diesel mit-toroq tagħna bil-konsegwenza li titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd ikun tajjeb li f’din l-okkażjoni niffukaw ftit ukoll fuq il-qagħda tal-kirjiet ta’ residenti Maltin. Is-suq tal-kera mhux jiffunzjona għax il-loġika tad-domanda u l-provista kellha twassal għal sitwazzjoni ta’ roħs u mhux żidied astronmiċi meta aħna rinfaċċjati minn kwantità ta’ propjetajiet vojta li sal-2011 kienu jammontaw għal il-fuq minn 70,000.
Alternattiva Demokratika tapprezza l-ħidma bla waqfien tal-Alleanza kontra l-Faqar biex iġġib għall-attenzjoni ta’ kulħadd ir-rebgħa tas-sidien – għax ma hemm l-ebda kelma li tista’ tiddeskrivi aħjar is-sitwazzjoni.
F’sitwazzjoni fejn is-suq mhux jiffunzjona hu neċessarju intervent tal-istat immedjatament. Huwa neċessarju mhux biss li jkunu regolati iż-żidiet fil-kera kif ipproponiet iktar kmieni din il-ġimgħa l-Alleanza kontra l-Faqar, imma fuq kollox forsi wasal iż-żmien li l-Gvern jimplimenta parti oħra mill-programmi elettorali passati ta’ Alternattiva Demokratika u ċjoe li l-propjetà li titħalla vojta u abbandunata tkun intaxxata. Dak li jinġabar b’taxxa bħal din għandu jkun ta’ ftit għajnuna għal dawk li qed jaqilgħu fuq rashom minħabba s-sidien tal-kirjiet li hawn fis-suq.
Fl-2011 ivvutajna f’referendum konsultattiv dwar id-divorzju. Miżura oħra li Alternattiva Demokratika poġġiet fuq l-aġenda politika sa mit-twaaqif tagħha fl-1989. Ir-riżultat ta’ dakinnhar, b’54% tal-votanti favur, daħħal id-divorzju fil-pajjiż. Imma daħħal ukoll lil Malta fis-seklu 21 għax afferma li l-poplu Malti, fil-maġġoranza tiegħu hu moħħu miftuħ u jrid pluraliżmu etiku.
Dan huwa s-sinifikat reali tar-referendum dwar id-divorzju: li Malta ukoll bdiet tirrispetta lil min jimxi kontra l-kurrent, b’mod partikolari kontra l-kurrent ġġenerat mill-intransiġenza tal-fundamentaliżmu reliġjuż.
Dan ġie immanifestat ukoll fl-introduzzjoni tad-drittijiet ċivili ġhall-komunita LGBTIQ li Alternattiva dejjem appoġġat inkluż fil-programmi elettorali differenti tagħha.
Din il-ġimgħa fil-Parlament taż-Żgħażagħ saret sejħa biex il-pajjiż jibda jiddiskuti l-abort u dan in vista tal-fatt li diversi Maltin qed isiefru għal abort inkella qed jipprokuraw abort f’kundizzjonijiet xejn idejali f’Malta. Huwa magħruf, per eżempju li fl-2016 fl-Ingilterra 58 mara/tfajla Maltija pprokurat abort (www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/618533/Abortion_stats_2016_commentary_with_tables.pdf). Mhux magħrufa l-istatistika dwar Maltin li jottjenu aborti f’pajjiżi oħra b’mod partikolari fi Sqallija, mfittxija għal dan l-iskop.
Dan kollu imma jfisser li l-abort qiegħed fostna u hemm numru ta’ Maltin li minkejja kollox għamlu u għadhom qed jagħmlu din l-għażla.
Il-Parlament taż-Żgħażagħ għandu raġun li jitlob diskussjoni. Fil-fatt dan hu l-minimu meħtieġ f’pajjiż li suppost li jirrispetta l-pluraliżmu etiku. Dan is-silenzju jeħtieġ li jieqaf immedjatament. Id-diskussjoni pubblika teħtieġ li tibda immedjatament għax mhux fl-interess tal-pajjiż li nibqgħu naħarbu l-problemi.
Waqt li ħaddieħor hu preokkupat bl-imsieħba fil-mażunerija u fil-kontijiet kurrenti assoċjati mal-briedel, materji li donnhom ser jibqgħu fuq l-agenda politika għall-ġimgħat li ġejjin aħna, min-naħa tagħna jeħtieġilna li nibqgħu niffukati biex insaħħu l-kapaċità organizzattiva tal-partit tagħna. Din hi l-unika triq li jippermettilna li nkun fil-pożizzjoni li nittraduċu dak li nemmnu fih f’azzjoni politika konkreta.
Grazzi lil kulħadd.
Carmel Cacopardo
Chairperson AD