
Carmel Cacopardo jitkellem dwar l-ilma tax-xita f’Malta.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru 2015
Il-maltempata ta’ nhar il-Ġimgħa fil-għodu issarfet f’ħafna ilma fit-toroq tagħna, traffiku iġġammjat u pajjiż prattikament wieqaf għal numru ta’ siegħat. Din mhux l-ewwel darba li ġrat!
Qed jgħidulna li sa ftit ġimgħat oħra il-mini li tħaffru taħt l-art biex flok ma’ l-ilma tax-xita jinġabar fit-toroq jintrema l-baħar ikunu qed jaħdmu. B’hekk anke waqt xita qliel l-ebda parti tal-pajjiż ma tieqaf.
Dan ċertament li jkun pass il-quddiem, imma mhux biżżejjed.
Ħafna mill-ilma fit-toroq waqt maltempata jista’ faċilment jinġabar fid-djar tagħna. Imma dan ma jistax isir għax mhux f’kull dar hemm bir. Din mhix problema li faqqset illum. Hi problema li ilha takkumula snin kbar. L-awtoritajiet, imma, kemm dawk politiċi kif ukoll dawk ċivili għalqu għajnejhom u ħallew il-problema tikber sakemm waslet għal dak li qed naraw b’għajnejna.
Malta għandna liġi li tobbliga illi f’kull dar ikun hemm bir. Hi liġi li ilha magħna snin kbar, 135 sena. Imma ħafna mid-djar, inkluż flats u maisonettes, li nbnew matul dawn l-aħħar 50 sena ma fihomx bir. Minflok ma jiġbru l-ilma f’bir, dan l-ilma jarmuh fit-triq. Inkella, agħar minn hekk, jarmuh fid-drenaġġ.
Ir-riżultat ta’ dan narawh b’għajnejna kull meta jkollna maltempata qawwija: kwantità kbira ta’ ilma fit-toroq u tappieri tad-drenaġġ ifawwru l-ilma tax-xita imħallat bid-drenaġġ.
Meta l-mini ta’ taħt l-art jibdew jaħdmu, għaldaqstant, tkun qed tissolva biss parti mill-problema: dik ta’ protezzjoni ċivili. Għax meta l-mini jibdew jaħdmu jonqos il-periklu mit-toroq. Jonqos il-periklu għan-nies u għall-propjetà. Iżda l-ħela ta’ l-ilma li tipprovdilna b’xejn in-natura ser tibqa’ għax il-parti l-kbira tal-ilma ser jispiċċa fil-baħar.
Min hu responsabbli għal dan?
L-ewwel u qabel kollox hu responsabbli min jibni u ma jipprovdix bir. Imma miegħu jew magħha huma responsabbli ukoll l-awtoritajiet li jagħlqu għajnejhom.
Meta l-bini jkun tlesta il-MEPA tintalab biex toħroġ ċertifikat li nsejħulu compliance certificate li jikkonferma li l-binja hi skond il-permess. X’verifiki tagħmel il-MEPA qabel ma toħroġ dawn iċ-ċertifikati, li jkun inbena l-bir? Safejn naf jiena ma issir l-ebda verifika.
Mhux il-MEPA biss tagħlaq għajnejha. Meta l-binja tkun tlestiet minn kollox issir applikazzjoni lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex il-katusi tad-drenaġġ tal-binja jiġu imqabbda mas-sistema pubblika tad-drenaġġ.
X’verifiki jagħmlu l-uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-ilma tax-xita mhux ser jintefa fid-drenaġġ, u li hemm bir fejn jinġabar? Anke hawn it-tweġiba hi ………… xejn.
Mela, kif qed taraw, l-awtoritajiet li għandhom l-obbligu li jagħmlu l-verifika li qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex nibżgħu għall-ilma tax-xita m’huma jagħmlu xejn.
B’dawn it-tip ta’ awtoritajiet pubbliċi mhux bil-fors li jkollna l-problemi?
Fir-realtà m’għandniex bżonn nistennew lil Gvern biex insolvu l-problema tal-ilma tax-xita mit-toroq. Kieku kull wieħed minnha jagħnel dmiru, l-problema ma teżistix.