Kritika li nisma spiss fuq tal-linja hi: Imma jien ma nafdahiex; għalfejn għandi naqbadha biex nasal tard? U f’sentenza waħda ġbarna dak li hu ħażin bl-infrastruttura Maltija – in-nies MĠIEGĦLA jsuqu l-karozza.
Ma jfissirx li mhawnx mod ieħor kif tivvjaġġa. L-ewwel u l-eħfef għażla hija t-trasport pubbliku. Ħafna drabi, l-idea li għandna ta’ nies li jaqbdu tal-linja hija ta’ xi ħadd li ma kienx kapaċi jġib il-liċenzja, xi klikka żgħażagħ, jew xi mara anzjana. F’kelma waħda, li taqbad tal-linja hija esperjenza potenzjalment umiljanti. Li ssuq karozza huwa simbolu ta’ maturità, kapaċità, u indipendenza.
U hekk hu, meta tikkonsidra li f’sena, bejn petrol, assikurazzjoni u manutenzjoni, il-karozza kapaċi tiswik tal-inqas €1,500. Jekk min-naħa l-oħra tgħodd l-ispiża li persuna tonfoq f’sena fit-trasport pubbliku, din ma tiġix iktar minn €360 fis-sena. F’kelma waħda, jekk inti “mġiegħel” ssuq, qed tmur tal-inqas €1,140 minn taħt!
M’ilux, id-diskors ma’ kollega tiegħi waqa’ fuq il-fatt li f’Malta l-inklużjoni u l-aċċessibilità għal nies vulnerabbli żdiedet. In-nies b’diżabilità issa qed jiġu nklużi fuq il-post tax-xogħol. Kollox sew u vera; però f’dan id-diskors jintesa fattur wieħed – jekk nies vulnerabbli qiegħdin f’sitwazzjoni aħjar, li jkunu jistgħu imorru xogħolu skola u jikkontribwixxu għas-soċjetà, kif qiegħdin nassiguraw ruħna li kulħadd qed ikollhu aċċess għal-trasport effiċjenti?
Ir-riċerka turi li żghażagħ b’diżabilità jdumu ħafna iktar biex iġibu l-liċenzja minn żghażagħ oħra. Dan biex ma nsemmux diżabilitajiet oħra li jwaqqfu bniedem milli qatt iġib liċenzja. Biex ma ninsewx li hawn min finanzjarjament diffiċli jkollhu aċċess għal karozza privata tiegħu. Allura dawn in-nies; mgħandhomx dritt li jużaw transport effiċjenti? Għalfejn għandhom ikunu misruqin minn ħinhom u jirriskjaw li ma jkollhomx impjieg fiss, ħabba il-fatt li ħloqna soċjetà dipendenti fuq il-karozzi privati.
Il-ġimgħa li għaddiet laqqattha jien ukoll! F’nofs ġurnata xogħol tani attakk tal-ażma u kellhi mmur il-poliklinika għan-nebuliser. Ma kontx sorpriża li ma kontx l-unika waħda. It-tabiba saqsietni jekk npejjipx. Bi tbissima għidtilha li ma kellix għalfejn; ngħix Birkirkara u naħdem Raħal Ġdid. Daħqet. Miegħi fil-kamra kien hemm tfal u anzjani. Ma tanix li nara tifel ta’ 6 snin jibki u jixher bil-maskra ma ħalqu. Attakk tal-ażma jaf jibgħatek għand Alla.
Ejja ma ninsewx l-argument tat-traffiku. Jekk jiżdiedu n-nies li jużaw ir-roti u l-karozzi tal-linja, ħa jonqos it-traffiku, u kapaċi jkollna arja iktar nadifa. Jekk jonqos it-traffiku, ħa jgawdi kulħadd, għax forsi nkunu kapaċi ngawdu ħajjitna ftit iktar- saħħitna tmur minn fuq!
Għalhekk huwa mportanti li niftakru li sistema ta’ trasport aċċessibli u effiċjenti hija dritt universali, li hija ċ-ċavetta ta’ soċjetà verament inklussiva.
Anna Azzopardi
Ippublikat fuq l-Orizzont – It-Tnejn 13 ta’ Mejju