L-Għadira: Nieħdu lura l-kosta tagħna lkoll – Luke Caruana

Bħal ħafna bajjiet oħra tul il-kosta tagħna, l-Għadira ilha għal bosta snin taħt assedju qawwi ta’ interessi kummerċjali.

L-operaturi privati ​​qegħdin jitħallew jikkapparraw il-bajja u jqegħdu l-umbrellel u s-sunbeds kif ġieb u laħaq waqt li aħna rridu nikkuntentaw bil-ftit spazju li jifdal. L-ispazju pubbliku għat-tgawdija ta’ kulħadd qed isir dejjem iktar skars f’bajja li hija diġà ffullata hi kif inhi. Naturalment dan mhux fenomenu ġdid ġewwa pajjiżna, dan minħabba li l-klassi politika Maltija ħamra u blu qatt ma kellhom rieda politika li jirranġaw l-affarijiet.

Fuq in-naħa l-blu għandna lil Jason Azzopardi, li fl-2012, waqt li kien ministru responsabbli għall-artijiet abbozza White Paper li suppost kellha tipproteġi d-dimanju pubbliku mill-privatizzazzjoni u r-regħba. Madankollu, lejlet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 huwa kien approva konċessjoni għal 15-il sena lill-operaturi tas-sunbeds biex jieħdu l-bajja tal-Għadira f’idejhom. Erm… Skużi Jason imma ħsibt li l-White Paper tiegħek suppost kellha tipproteġi l-perimetru tal-kosta minn interessi privati!

Min-naħa l-oħra għandna l-Partit Laburista. Meta fl-2013 seħħet il-bidla fil-gvern, iċ-chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu Gavin Gulia ħabbar li kien ntlaħaq ftehim ma’ entitajiet pubbliċi u privati biex nofs il-bajja ta’ l-Għadira terġa tingħatha lura lill-pubbliku. Madankollu, sa issa l-Għadira għadha fl-istess sitwazzjoni u l-operaturi privati ​​qed ikomplu jieklu il-ftit spazju li fadal għall-qliegħ personali tagħhom (Fil-ħin li kont qed nikteb jidher li ntlaħaq xi tip ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-operaturi, avolja għad mhux ċar dan il-ftehim x’inhu).

Biex tgħaxxaq issa hemm theddida privata oħra ġejja mid-Danish Village li tinsab ftit mijiet ta’ metri ‘l-bogħod mill-bajja. Ovvjament issa kulħadd irid jimla butu u l-lukanda tefgħet għajnejha fuq l-unika parti tal-bajja li għadha ħielsa mill-kummerċjalizzazzjoni. L-iżvilupp propost, li ilu ġej għal żmien twil, qed tiġi rrakkomandata għall-approvazzjoni u deċiżjoni dwar l-applikazzjoni hija mistennija li tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.

Sadanittant rappreżentanti tal-PLPN (partikolarment Jason Azzopardi u Konrad Mizzi) qed ikomplu jakkużaw lil xulxin li ma ħadux pożizzjoni biex jipproteġu d-dimanju pubbliku. Ma nixtieqx naħli aktar ħin nitkellem dwar Mizzi u Azzopardi ghax diġà wrew li mhumiex affidabbli f’episodji oħra fil-passat. Ir-riluttanza tal-PN u tal-PL li jikkoreġu l-għemil ħażin tagħhom hija ferm evidenti. Fir-realtà m’hemm l-ebda rieda politika biex tinbidel is-sitwazzjoni ghax jibżgħu li jistgħu jxekklu l-interessi ta’ sħabom fil-lobbies tan-negozju.

Meta fl-2016 iż-żewġ naħat kellhom iċ-ċans li jieħdu azzjoni konkreta baqa’ ma sar xejn. Dan kien partikolarment ċar meta kien suppost beda l-proċess ta’ aġġornament tal-att dwar id-dimanju pubbliku Nazzjonali. Sadanittant il-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta kollha qed tkompli mingħajr l-ebda sinjal ta’ waqfin. Huwa sfaċċatament ovvju li l-viżjoni tagħhom hija ffokata biss fuq li jiġu mdgħajfa l-awtoritajiet sabiex tkompli tiffavorixxi l-but ta’ sħabhom in-negozjanti.

L-PLPN għandom jieqfu jidħqu bin-nies għax jekk l-attitudni tagħhom ma tinbidilx mhux se jibqa’ xejn pubbliku biex jiġi ssalvagwardjat. Il-ħarsien tad-dimanju pubbliku tagħna jinvolvi ħafna iktar milli nippromwovu l-clean-ups. Hija r-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li jkun hemm governanza tajba u li d-dimanju pubbliku jkun protett bir-reqqa b’politika effettiva. Wasal iż-żmien li nipproteġu dak li hu ġustament tagħna ħalli ngawduh aħna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Luke Caruana
Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 11 t’Awwissu 2019

FacebookEmail