Ix-xjenza hija ċara. Snin u snin ta’ studji juruna li hemm bżonn sforz kbir kollettiv, fuq livell nazzjonali, fuq livell tal-Unjoni Ewropea u fuq livell dinji biex naffaċċjaw l-isfida tal-bidla fil-klima. Bidla kkawżata mill-bniedem. Hemm bżonn li naslu biex nersqu kemm jista’ jkun viċin iż-żero karbonju sal-2030.
Żero karbonju jfisser prinċipalment li nnaqqsu drastikament, sakemm naslu sa żero, l-użu tal-faħam, żejt, petrol, diesel u gass fit-trasport, bħala sorsi tal-elettriku u ta’ sustanzi simili bħala materja prima għall-manifattura ta’ prodotti varji. Hemm bżonn ukoll riforma fl-agrikoltura industrijali biex minflok insostnu l-biedja lokali.
Hemm min jitfa’ r-responsabbiltà fuq l-individwu – ngħixu wara kollox fl-era tal-individwaliżmu estrem – narawha anke fil-pandemija, fejn hemm min lanqas biss lest jirrikonoxxi, b’ħafna trewwiħ mil-lemin estrem u perikoluż, li hemm bżonn nieħdu ħsieb lil xulxin u nimxu bil-galbu u b’attenzjoni biex noħorġu minn dan iż-żmien xejn sabiħ.
Iva, dażgur li individwi li għandhom għarfien dwar il-bidla fil-klima jistgħu jaraw kif jixtru prodotti tal-biedja lokali, kif inaqqsu l-laħam żejjed mid-dieta tagħhom, jimbuttaw għal aktar u aktar servizzi ta’ trasport pubbliku u toroq aktar siguri għal min jitħajjar juża r-rota jew jimxi d-distanzi qosra għall-qadjiet jew għax-xogħol.
Immaġinaw kull karozza ġġorr mill-anqas żewġ persuni minflok persuna waħda – diġà jonqos it-traffiku bin-nofs.
Immaġinaw karozzi tal-linja jġorru f’karreġġjati riżervati biss għalihom 70 ruħ kull waħda, kemm jonqos aktar it-traffiku u t-tniġġis.
Immaġinaw 10% jew 20% tal-ħaddiema kollha, mis-CEO, sat-tekniku, sal-iskrivan, jużaw ir-rota jew rota elettrika f’toroq b’aktar spazju għan-nies minflok imwaħħlin fit-traffic jams, biex imorru għax xogħol.
Dawn huma affarijiet li jistgħu jagħmlu l-individwi, imma hemm bżonn sistema li tinkoraġġixxi, timbotta u tgħin lin-nies jagħmlu dawn l-għażliet importanti.
Il-bidla fis-sistema ssir meta l-gvernijiet tal-UE, inkluż dak Malti jikkommettu ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju b’mhux anqas minn 65% bejn l-2030 u l-2040, u li jaslu għal żero karbonju sal-2050, jekk qabel tant l-aħjar. Il-Gvern tal-koalizzjoni Ġermaniż li jinkludi lill-Ħodor għandu pjan li 80% tal-enerġija tkun nadifa u rinovabbli sal-2030. Aħna għandna nkunu ambizzjużi wkoll.
F’Malta minflok ambizzjoni għandna pjan dwar l-enerġija u l-klima u pjan nazzjonali dwar it-tniġġis tal-arja li huma fjakki u bla ambizzjoni. Għandna bżonn pjanijiet li joħolqu x-xogħol, ir-riċerka, u l-investiment f’taħlita ta’ teknoloġiji: mir-riħ offshore sa mikroturbini fuq l-art, minn enerġija solari fuq kull bejt ta’ uffiċċju, blokka, fabbrika, bini, skola, u sptar f’pajjiżna, sa enerġija mill-mewġ u l-kurrenti tal-baħar.
Għalkemm l-enerġija mill-idroġenu nadif tista’ xi darba ssir realtà, mhux aċċettabbli li nibqgħu nistennew sakemm timmatura din it-teknoloġija. Ma nistgħux nistennew aktar, id-dinja ma tistenniex.
Għandna bżonn pjan serju li jnaqqas it-traffiku mit-toroq u l-istess spazju jintuża min-nies u mezzi aktar nodfa ta’ trasport jingħataw prijorità – mir-roti, ir-roti elettriċi, sal-iscooters. Dawk li jużaw mezzi nodfa u alternattivi ta’ trasport għandhom dritt jużaw it-toroq b’moħħhom mistrieħ. Hemm bżonn li l-kultura tinbidel – imma tinbidel bi mbuttatura mill-awtoritajiet. Ma nistgħux nibqgħu ċassi, l-għażliet sostenibbli tan-nies li lesti jagħmlu l-isforz meħtieġ għandhom jiġu ppremjati u appoġġjati għax dawk l-għażliet huma fil-fatt ta’ ġid għas-soċjetà kollha kemm hi.
Fuq livell tas-sistema ekonomika, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji, pubbliċi u privati għandhom ikunu obbligati juru kif l-investimenti li jagħmlu huma marbuta mal-miri ta’ żero karbonju.
Dan huwa l-mod kif jinħolqu impjiegi li jrendu – il-mixja lejn ekonomija żero karbonju. L-individwi jafu jagħmlu d-deċiżjonijiet t-tajba, imma s-sistema ekonomika għandha ssir waħda ekoloġika-soċjali: toħloq impjiegi, tippremja l-koperazzjoni u forom ta’ kummerċ aktar demokratiku bħall-koperattivi, tnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar taqta’ darba għal dejjem id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, u tipproteġi lid-dinja u l-benesseri tagħna lkoll.
Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali ta’ ADPD
Ippublikat fuq Newsbook – 31 ta’ Jannar 2022