Kontradizzjonijiet mill-Gvern: ifaħħru lill-bdiewa imma fl-istess waqt jeħdulhom l-art

F’konferenza stampa f’Ħad-Dingli uffiċċjali ta’ AD u PD saħqu li l-incident tal-bieraħ li bħala riżultat tiegħu Infrastructure Malta kienet se tibda x-xogħol biex teqred iktar raba’ joħroġ il-kontradizzjonijiet fl-operat tad-Dipartimenti u l-Awtoritajiet tal-Gvern. Kontinwament isir ftaħir dwar l-għajnuna sostanzjali lill-bdiewa minn fondi Ewropej. Għandna ħafna fondi ukoll li nistgħu nagħmlu użu minnhom biex nirranġaw djarna, iktar u iktar meta dawn qegħdin fil-qalba tal-ibliet u l-irħula. Imma mbagħad fl-istess nifs li l-id ix-xellugija tal-Gvern toffri l-għajnuna, dik leminija teqred u tħarbat kull ma tmiss kif qed tagħmel kontinwament Infrastructure Malta. Grazzi lill-attivisti tal-Graffitti u l-bdiewa li tal-anqas temporanjament waqqfu l-qerda ta’ Infrastructure Malta.

Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo qal:”Meta Infrastructure Malta tipprova tiġġustifika l-attitudni tagħha fil-kuntest ta’ Avviż Legali li jippermetti li xogħol fuq toroq ‘within scheme’ isir bla ħtieġa ta’ permessi addizzjonali tal-ippjanar tinsa li dawn it-toroq huma marbuta mal-iżvilupp permissibli. Bla żvilupp skont l-iskema, it-toroq li trid tibni Infrastructure Malta filfatt mhux meħtieġa.”

“Filfatt f’żoni li jkunu qed jiżviluppaw l-ewwel isir il-bini u mbagħad wara li dan ikun sostanzjalment sar issir it-triq. Dan isir biex it-triq ma terġax tinqala’ biex minnha jgħaddu s-servizzi. Issa jekk il-bdiewa li minn fuqhom hu pproġettat li tgħaddi t-triq iridu jibqgħu jaħdmu r-raba’ għaliex Infrastructure Malta trid timponi fuqhom li jiżviluppaw bilfors? Għalfejn dil-fissazzjoni bil-bini f’kull roqgħa?”

“Din hi waħda mill-problemi l-kbar: li l-Gvern kontinwament ikasbar lill-bdiewa u r-raba’. Insellmu lill-bdiewa żgħar u kbar li kontinwament iwieġbu għas-sejħa tal-art.”

FacebookEmail