Kien jaf? – Carmel Cacopardo

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament  qal li ma kienx jaf u l-anqas ma kien infurmat illi Shiv Nair (konsulent tal-Gvern b’ċittadinanza Ingliża iżda residenti Malta) kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji u dan minħabba frodi.  Jekk taċċetta u temmen dan id-diskors hu inevitabbli li tasal għall-konklużjoni li dawk  ta’ madwar Joseph Muscat ma għamlux il-verifiki neċessarji kif meħtieġ dwar Shiv Nair, jekk fil-fatt qatt għamlu dawn il-verifiki.

Il-konsegwenza ta’ dan hu li bilfors tqis illi l-verifiki li jridu jsiru dwar dawk li ser jixtru passaport bil-prezz ta’ €650,000 flimkien ma €25,000 għall-mara kif  ukoll għal kull wild hemm il-possibilta li jsiru (jew ma jsirux) bl-istess mod u dan għax id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-passaport ser jeħodha l-politiku. Jiġifieri ħadd ma jagħti tort lil ħadd jekk naslu għall-konklużjoni li bil-bejgħ tal-passaporti li qed jipproponi l-Gvern jista’ jkun li nitwikkew b’xi erba’karattri mhux mixtieqa għax il-politiku jaf jagħlaq għajnejh u malajr iwaħħal f’ħaddieħor.

Dawn huma l-konklużjonijiet li tasal għalihom  jekk temmen dak li qal Joseph Muscat.

Imma jekk dak li qal Muscat ma temmnux imbagħad hemm konklużjonijiet ferm iktar gravi minn hekk.  Għax jekk minkejja dak li qal Joseph Muscat kien jaf bil-fatt li Shiv Nair kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba frodi,  imbagħad l-istorja tkun ħafna differenti. F’dak il-każ ikun hemm bosta mistoqsijiet li jkunu jeħtieġu tweġiba.

Xi darba inkunu nafu x’inhi il-verita’. Kien jaf jew ma kienx jaf?

ippubblikat fuq iNews : It-Tnejn 21 t’Ottubru 2013

FacebookEmail