Carmel Cacopardo jitkellem dwar it-traffiku f’Malta.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2015
Fl-aħħar kulħadd qiegħed jirrealizza li l-qagħda tat-traffiku f’Malta m’hiex waħda li nistgħu nissaportu iktar. Smajna ħafna jitkellmu. Anke l-Parlament l-ġimgħa l-oħra iddedika seduta sħiħa biex jiddiskuti l-qagħda fit-toroq tagħna. Qagħda li ma ġietx fuqna ħabta u sabta. Akkumulat tul is-snin li ġie traskurat it-trasport pubbliku. Hawn wisq karozzi fit-toroq tagħna. U billi n-numru tagħhom qiegħed jiżdied kontinwament, is-sitwazzjoni ser tibqa’ tmur għall-agħar bil-minuti.
Paroli kien hawn ħafna tul is-snin. Wasal iż-żmien tad-deċiżjonijiet. Billi d-deċiżjonijiet ilhom ħafna jistennew biex jittieħdu, issa jistgħu jkunu deċiżjonijiet iebsa. Hemm bżonn ta’ żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet. Dawk li jaħsbu fl-immedjat (short-term) u dawk li jaħsbu fit-tul (long-term).
Il-miżuri li jaħsbu fil-futur immedjat għandu jkollhom l-iskop li jnaqqsu l-impatt tat-traffiku billi nutilizzaw aħjar l-infrastruttura eżistenti. Il-miżura msejħa “tidal lane” li ser titintuża bi prova fi Vjal Sir Paul Boffa r-Raħal Ġdid hi miżura tajba. Imma mhiex ser issolvi l-problema, ser tnaqqas l-impatti.
Fl-istess ħin irridu nibdew niżviluppaw mezzi alternattivi ta’ transport. It-trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir kif ukoll fil-Port ta’ Marsamxett huma miżuri li ntużaw fil-passat imma għax ma ġewx sostnuti tlifna l-ħin u kabbarna l-problema.
Huwa ukoll necessarju li jittieħdu deċiżjonijiet li bihom tonqos id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi.
Il-White Paper li ippubblika dan l-aħħar il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar it-trasport tal-iskejjel kien eżerċizzju tajjeb. L-iskejjel m’humiex il-kawża tal-problema tat-traffiku. L-iskejjel huma vittma huma ukoll tad-dipendenza żejda tagħna fuq il-karozzi privati. Li jkollna sistema waħda ta’ transport għall-iskejjel kollha ta’ Malta, kemm pubbliċi kif ukoll privati, ikun pass tajjeb il-quddiem għax dan jista’ jnaqqas numru mhux żgħir ta’ karozzi mit-toroq.
Bl-istess mod għandna nħarsu lejn iż-żoni industrijali tagħna. Il-ħaddiema kollha f’dawn iż-żoni industrijali għandhom ikunu pprovduti bi transport organizzat bejn iċ-ċentri residenzjali ewlenin u ż-żoni industrijali u dan kemm fil-ħin li jibda kif ukoll fil-ħin li jispiċċa x-xogħol.
Għandna neliminaw il-burokrazija żejda li hi ostaklu għal mezzi alternattivi ta’ transport. F’dan is-sens hi żejda l-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni ta’ roti elettriċi. L-użu tagħhom għandu jkun inkoraġġit u mhux imxekkel kif qiegħed jiġri bħalissa.
Id-distanzi f’pajjiżna huma żgħar u f’ħafna ċirkustanzi nistgħu ninqdew b’rota. Imma hemm bżonn li l-ibliet u l-irħula tagħna ma jibqgħux jiddiskriminaw kontra l-użu tar-rota u s-sewwieqa tar-roti. Hemm ħtieġa ta’ spazji adegwati minn fejn jgħaddu u fejn jitqegħdu meta ma jkunux qed jintużaw. Spazji li bħaliissa huma kkapparrati mill-kultura favur il-karozza li tiddomina lis-soċjetà tagħna.
Qed jiġi ukoll imsemmi proġett ta’ monorail jew underground. Dan it-tip ta’ proġett jista’ jkun ta’ għajnuna fit-tul (long-term). L-effetti tiegħu jidhru wara li jgħaddu numru ta’ snin kif ukoll wara spiża mhux żgħira.
Nistgħu, jekk irridu, nibdew minn issa billi nappoġġaw dawn il-miżuri li semmejt u oħrajn. Jekk irridu diġa għandna l-mezzi biex ma nibqgħux niddependu mill-karozzi żgħar. Is-soluzzjoni qegħda f’idejna.