Vot għal PL u l-PN hu vot biex iġennu numru kbir ta’ nies, bl-istorbju u bit-tniġġis.
Waqt konferenza stampa f’Ta’ Qali, iċ-Chairperson ta’Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola qal li kemm il-PN u l-PL iridu aktar bini li jkompli jiekol l-ispazji miftuħa, għax mhux vera jemmnu f’kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-familji, għat-tfal u għan-nies. Mhux vera jemmnu f’arja nadifa,f’żoni ħielsa mit-traffiku u mit-tniġġis. Qegħdin jikkompetu bejniethom biex ikomplu jibnu – mini taħt il-baħar, u korsa tat-tlielaq, fost affarijiet oħra. “It-tfal taghna mhumiex roundabout”, qal Arnold Cassola.
Il-kelliem ta’ AD Ralph Cassar li huwa wkoll Kunsillier f’Ħ’Attard qal:”Il-PN u l-PL iridu jħassru kull biċċa art li hawn Malta. Kemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huma favur korsa kbira tat-tlielaq tal-karozzi, b’bini ieħor li dejjem jiġi ma’ proġetti bħal dawn. Fl-2015 rajnihom jiffurmaw koalizzjoni favur korsa tal-karozzi, bis-Segretarju Parlamentari Chris Agius u l-Membru Parlamentari Nazzjonalista (minn dan id-distrett elettorali) David Agius jagħtu l-appoġġ tagħhom għal korsa, b’lukanda, restoranti, u ħwienet oħra. Il-partiti tas-siment iridu jeqirdu post ieħor f’Malta. Issa nafu li l-PL irid jeqred l-ispazju miftuħ ta’ Ta’ Qali, irid iġġennen in-nies ta’ Ħ’Attard, ir-Rabat u l-Mosta b’storbju kontinwu u jrid ikompli iniġġes l-arja u jisraq it-tgawdija ta’ post rikreattiv lit-tfal u l-familji. Hemm bżonn li naċċettaw li d-daqs tal-gżira ta’ Malta hu tali li proġetti bħal dawn m’hawnx art biżżejjed għalihom. Irridu naċċettaw il-limitazzjoni tad-daqs ta’ pajjiżna. Nisfida lil David Agius, Simon Busuttil u lill-PN jgħidilna liema biċċa art iridu jeqirdu huma. Korsa tat-tlielaq tal-karozzi f’pajjiżna hija ġennata u oxxenita.”
Id-Deputat Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo kompla:”L-art rikjesta, tul id- diskussjoni pubblika varjat. Mal-elezzjoni tal-2013 kien intqal li kienu meħtieġa bejn 33-40 ettaru (33,000 sa 40,000 metri kwadri). Iktar tard, meta ħarget is-sejħa għall-interess dan irdoppja għal 80 ettaru (80,000 metru kwadru). Dan jinkludi ukoll bejn 6 u 8 kilometri ta’ racing track.”
“Il-proġett primarjament fih żewġ elementi : l-element tat-tlielaq tal-karozzi u element dwar taħrig u tagħlim għas-sewqan. L-impatti tat-tlielaq hu enormi, inkluż l-użu ta’ ammont kbir ta’ art. L-impatt tat-tagħlim tas-sewqan hu insinifikanti. Imma l-proġett hu wieħed u mhux possibbli li tifred dawn iż-żewġ elementi. Kienu issemmew ukoll facilitajiet anċillari u cioe lukandi, xi conference centre, u faċiliatjiet dwar tiswijiet ta’ karozzi li jkunu qed jużaw il-korsa. Il-pjanti proposti ma gewx ippubblikati u allura dan kollu ma nafu xejn preċiż dwaru billi t-tħabbira qed issir bil-għaġġla, lejliet elezzjoni.”
“Ejjew darba għal dejjem nammettu li pajjiżna huwa dak li hu. Iċ-ċokon tagħna bħala pajjiż ifisser li probabbilment m’hawn l-ebda parti ta’ Malta u Għawdex li hi addattata għal dan it-tip ta’ żvilupp.
L-impatti tal-korsa tat-tlielaq huma inaċċettabbli. L-ewwel hemm l-ammont ta’art: enormi – art li bħalissa tintuża għar-rikreazzjoni minn eluf kbar ta’ nies. B’korsa tat-tlielaq Ta’ Qali jsir insapportabbli, imniġġes u storbjuż. Hemm il-facilitajiet eżistenti fil-viċinanzi li jintlaqtu ħażin: Ta’ Qali Crafts Village u l-area rikreattiva tal-familji. Mhux l-anqas hemm il-ħsejjes f’kull ħin tal-ġurnata kif ukoll impatt ħażin fuq il-kwalita’ tal-arja minħabba l-emmissjonijiet.”
L-aġenda tagħna hija l-indafa – għalina, għat-tfal tagħna, għal pajjiżna.
Ir-realta hija li billi kemm il-PN u l-PL iridu 8 kilometri korsa tat-tlielaq x’imkien f’Malta, vot għalihom huwa vot biex iġennu numru kbir ta’ nies, bl-istorbju u bit-tniġġis. Huwa vot li se jisraq ammont kbir ta’ art f’pajjiż daqs naqra.