Irridu Ewropa soċjali…

MEPs Common Campaign_10_Socjali

 

Silta mill-manifest:

7.0 Drittijiet Umani:L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjita` umana, il-ħelsien u d-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett lejn il-liġi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Greens ma jagħmlux kompromessi dwar id-drittijiet umani. Il-pluraliżmu, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetaʽ u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jeħtieġ li jirrenjaw.

7.1 AD taħdem għal rappreżentanza ugwali ta’ nisa fl-istituzzjonijiet lokali u tal-UE permezz ta’ azzjoni affermattiva.

7.2 AD fil-Parlament Ewropew tkompli taħdem biex jitneħħew prattiċi ta’ diskriminazzjoni lejn persuni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew diżabilitaʽ (fost oħrajn), fejn għadhom jeżistu kemm lokalment u fuq livell Ewropew. Nassiguraw li azzjonijiet bħal dawn isiru parti mill-liġi Maltija u jiġu implimentati b’mod effettiv fil-prattika.

7.3 AD tkompli taħdem biex tmexxi ‘l quddiem il-pożizzjoni li l-Greens ilhom li ħadu biex id-direttiva ta’ kontra d-diskriminazzjoni (Anti-Discrimination directive) issir direttiva dwar l-ugwaljanza sħiħa.

8.0 Solidarjetaʽ mhux Awsteritaʽ:

8.1 AD taħdem kontra t-tnaqqis neo-liberali tar-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji immexxija mill-kilba għall-profitt, u li wasslet għall-kriżi finanzjarja dinjija ta’ bħalissa. Il-kriżi heddet jew qerdet ħafna kisbiet soċjali, demokratiċi u ekonomiċi. Il-mediċina tal-awsteritaʽ li ġiet mogħtija lill-pajjiżi li ilhom fi kriżi għal ħafna snin issa, żiedet il-qasmiet soċjali u l-inġustizzji, naqqset il-kwalitaʽ tal-ħajja ta’ ħafna ċittadini Ewropej, imminat il-kapaċitaʽ ta’ diversi soċjetajiet li jistagħnew, u essenzjalment, dgħajjfet id-demokrazija. Illum 25% tal-Ewropej jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali; 27 miljun jinsabu bla xogħol, fosthom wieħed jew waħda minn kull żagħżugħ jew żagħżuha Ewropej! Dawk li huma l-aktar vulnerabbli jispiċċaw iħallsu l-ogħla prezz għal din il-kriżi.

8.2 Permezz tal-preżenza tagħha fil-parlament Ewropew, AD issemma’ leħinha dwar in-nuqqas ta’ sostenibilitaʽ tal-mudell ekonomiku li għandna u li qiegħed ikompli jsaħħaħ il-kriżi ambjentali. AD tinsisti li politika mfassla fuq il-preżent jew futur qrib biss ma tagħmilx sens. Irridu nħarsu iktar fit-tul. Barra minn hekk ma nistgħux nibqgħu nakkomodaw l-interessi egoisti tal-ftit. AD taħdem biex tnaqqas il-politika ta’ bini sfrenat fil-kuntest lokali li hija riżultat ta’ dan il-mudell ekonomiku li jippremja lill-ftit u jikkastiga l-kumplament.

1888759_726860934015554_1608997006_n

 

FacebookEmail