Waqt konferenza stampa online, indirizzata mill-kandidati għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci u Mina Jack Tolu, Sandra Gauci ffukat fuq l-għoli tal-ħajja u kif in-nies huma trattati ta’ tallaba mill-gvern. Saħqet fuq dwar l-importanza tal-living wage, anke fuq skala Ewropea. Mina Jack Tolu tkellem dwar diversi temi mill-manifest elettorali Ewropew tal-partit, bħad-diversità, l-attakki tal-lemin-estrem fuq il-libertajiet tagħna, s-sigurtà fl-użu tal-eneġija u dwar il-Palestina.
Mina Jack Tolu, li huwa ukoll membru tal-eżekuttiv tal-Partit tal-Ħodor Ewropew (EGP) qal li waħda mill-isfidi l-kbar għall-Unjoni Ewropea hija dik tal-lemin-estrem.
“L-isfida kbira Ewropea hija l-isfida tal-lemin estrem: dawk li jridu JEĦDULEK IL-LIBERTÀ. Imbagħad fil-Parlament Ewropew għandek iċ-ċentru-lemin bħall-PPE (il-partit membru f’Malta huwa l-PN) li flimkine mal-lemin-estrem JIDDEFENDU t-tniġġis li joqtolna. Iridu jħallu lill-biljunarji jniġġsu u jħammġu. Aħna ma’ sħabna l-Ħodor irridu KWALITÀ TA’ ĦAJJA tajba għal kulħadd. PAGI tajbin għal kulħadd. Irridu li min iniġġes iħallas, min iħammeġ inaddaf. Irridu niddefendu d-drittijiet tagħna.
Irridu li fondi pubbliċi jmorru għal SERVIZZI PUBBLIĊI – is-saħħa, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-kultura… u mhux għand il-korrotti. Mhux biex xi wħud iħaxxnu bwiethom.
Mina Jack Tolu kompla jitkellem fuq il-mibgħeda mxerrda mil-lemin-estrem. “X’tiswielek il-mibgħeda? Irridu neqirdu kull forma ta’ diskriminazzjoni u mibgħeda – mill-għeruq. Niddefendu d-dritt ta’ attivisti u għaqdiet li jipprotestaw u jaħdmu favur l-ambjent u favur il-vulnerabbli fid-dinja – huma min huma.”
“Jiswielek li tivvota fuq l-Aħdar għax aħna, ma’ sħabna l-Ħodor fil-Parlament Ewropew naħdmu biex neqirdu l-vjolenza fuq in-nisa. Niżguraw li n-nisa u l-irġiel jitħallsu l-istess tal-istess xogħol.”
Dwar il-politika internazzjonali Mina Jack Tolu qal:”Aħna ma ngħixux f’bozza, ngħixu f’dinja li qed tgħajjat għall-ġustizzja. Jiswielek li l-ġustizzja sseħħ, għax il-ġustizzja vera tnissel il-paċi u l-istabilità. Il-Palestina, fl-aħħar, wara għexieren ta’ snin ta’ oppressjoni kolonjali u apartheid , għandha tkun rikonuxxuta bħala stat. Għandu jkun hemm sforz komuni u għajnuna favur paċi dejjiema biex il-Palestinjani kollha jkollhom d-dritt għal darhom u d-dritt biex dak li nsterqilhom mill-kolonizzaturi jieħduh lura. Jiswielek li kemm pajjiżna, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, jkollhom aktar kontroll fuq is-sistema tal-enerġija, fuq teknoloġiji kruċjali, u ta’ affarijiet vitali oħra. Hija kwistjoni ta’ sigurtà. Għalhekk it-tranżizzjoni ekoloġika hija importanti, għax tnaqqas il-ħela tar-riżorsi, u tnaqqas id-dipendenza fuq riżorsi minn sorsi li jeqirdu l-ambjent u jkattru l-faqar, il-mard u t-tbatija.”
Sandra Gauci ffokat fuq l-pagi, u l-għoli tal-ħajja. Sandra Gauci qalet li “Din is-sena l-prezzijiet baqgħu telgħin ‘il fuq avolja kemm l-elettriku kif ukoll il-qamħ issussidjat. Dan juri li wasal iż-żmien għal living wage. Mhux iċ-ċejċa imma pagi diċenti. Minkejja ż-żieda fil-GDP il-pagi baqgħu taħt il-medja Ewropea. Il-paga minima hija miżerja. Għadna ‘l-bogħod milli l-ħaddiem bil-paga minima ikollu living wage li biha jkun jista’ jgħix b’mod diċenti.”
Saħqet li l-basket ta’ prodotti li fuqu titkejjel l-għoli tal-ħajja jiġi aġġornat regolarment. “In-nies m’għadhiex tixtri l-istess affarijiet bħalma kienet 30 sena ilu, meta tfassal il-basket li fuqu hi kkalkolata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, u lanqas m’għandha l-istess ħtiġijiet. Hu għalhekk aħna tal-ADPD ilna nisħqu li dan il-basket għandu jiġi aġġornat kultant żmien u mhux spiċċa kważi irrelevanti. Inżidu wkoll li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata kull 6 xhur u mhux darba biss, b’mod partikolari fi żmien meta l-ħajja qed togħla kontinwament b’ritmu mgħaġġel.”
“Il-gvern konxju mill-ineffiċjenza preżenti ta’ kif jinħadmu iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja. Tant jafu, li bħalissa qiegħed iqassam ċekkijiet addizzjonali biex ipattu għall-għoli tal-ħajja. Din mhi xejn ħlief ammissjoni li ż-żidiet huma frak li jingħataw biex taparsi tagħti xi ħaġa imma xorta il-batut baqa’ ttrattat bħala tallab li jrid jgħix minn fuq il-karità tal-gvern. Żgur mhux se jara xi forma ta’ mobilità soċjali. In-nies drittijiet għandhom bżonn mhux ċekkijiet.”
“Ir-realta hi li studju li għamlet il-Caritas fl-2020 ħareġ li familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal ikollha bżonn kważi €14,000 MINIMU biex tgħix ħajja deċenti. Din tfisser żieda ta’ 40% fuq il-paga minima li meta ssarrafha tiġi żieda ta’ €78 fil-ġimgħa. Din hi ż-żieda li l-ħaddiem b’paga minima ilu li suppost ingħatatlu imma għadu jittama u jkollu jikkuntenta bil-frak f’pajjiż li jiftaħar li l-GDP qed jiżdied u li l-ekonomija jgħidu li sejra tajjeb. L-ekonomija mhux sejra tajjeb jekk il-ftit biss iħaxxnu l-bwiet.”
“In-nies mhux numri u l-fatti juru li għandna ‘l-fuq minn 100,000 ruħ f’riskju ta’ faqar. Jekk irridu verament ngħinu lil min hu batut hemm bżonn ta’ politika b’deċiżjonijiet kuraġġużi immirati u serji li jpoġġu verament lill-batut fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u mmirati biex verament il-ħajja ta’ min jgħix bil-paga minima tkun ħajja deċenti u mhux inkomplu nżidu l-working poor li titteħdilhom id-dinjità li jgħixu b’mod dinjituż. Dan il-faqar li dejjem qiegħed jikber u qiegħed jiġi injorat juri kemm dawn il-miżuri huma biss kosmetiċi u ma jmorrux fil-fond tal-problema biex jitnaqqas il-faqar. Hemm bżonn ta’ bidla fir-rotta fejn lin-nies inqisuhom mhux bħala numri imma bħalha riżorsa prezzjuż speċjalment f’pajjiż bħal Malta nieqes minn kwalunkwe riżorsa naturali.”