Fl-iktar ħarġa reċenti tal-magażin Moving Forward, il-Gvern żvela l-pjanijiet fit-tul tiegħu biex jgħolli l-istandards fl-isport fost il-Maltin. Il-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Isport, li nħatret mill-Gvern għal dan il-għan speċifiku, tenfasizza l-ħtieġa ta’ miri speċifiċi biex jitkejlu l-prestazzjonijiet sportivi u jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-atleti lokali.
L-istrateġija ssemmi s-suċċess tal-Gran Brittanja fl-Olimpjadi 2016 u tpoġġi dan bħala eżempju li Malta għandha ssegwi. B’mod ġenerali, jiena favur strateġiji ambizzjużi, madankollu, f’dan ix-xenarju partikolari nemmen li l-viżjoni tal-Gvern sejra żmerċ. Huwa veru li l-Gran Brittanja investiet ħafna fl-isport iżda dan sar speċifikament fuq l-isport li jitqies b’potenzjal ta’ suċċess fost l-atleti professjonisti. F’Malta iżda m’għandniex il-lussu li nagħżlu l-isport ta’ ‘suċċess’ minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala inqas ‘produttivi’. Fir-realtà, m’hemmx kundizzjonijiet ugwali għall-isport lokali, u l-isport l-aktar popolari għandhom vantaġġ ferm akbar fuq oħrajn minuri. Dan ifisser li ħafna atleti qatt ma huma se jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u se nkomplu jkollna riżultati diżapputtanti minħabba n-nuqqas kbir ta’ faċilitajiet adegwati u d-distribuzzjoni inekwa tal-investiment.
Bħal ma jista’ jgħidlek kull atleta, trid tagħmel bosta sagrifiċċji biex tikseb il-ħiliet bażiċi f’kull tip ta’ dixxiplina sportiva. L-ewwelnett, għandna niffukaw aktar fuq il-ħiliet bażiċi qabel ma nibdew nimpenjaw ruħna f’miri ogħla ta’ programmi nazzjonali. Biex naspiraw għal suċċess fit-tul bl-għan li jkollna aktar atleti professjonisti f’diversi dixxiplini sportivi għandna: inħeġġu l-kultura sportiva fl-edukazzjoni; napprezzaw l-assoċjazzjonijiet sportivi kollha u ninvestu f’faċilitajiet sportivi reġjonali. Ir-reġjuni flimkien mal-kunsilli lokali li jifformaw parti mir-reġjun partikolari jistgħu, jekk mogħtija riżorsi xierqa, jimmaniġġjaw u jippromwovu programmi sportivi fir-reġjun u l-lokalitajiet.
Kif nistgħu nitkellmu dwar suċċess meta lanqas biss ma ninkoraġġixxu l-kultura tal-isport fis-sistema edukattiva tagħna? Stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat is-sena l-oħra, jikklassifika liż-żgħażagħ Maltin fost l-inqas attivi fl-Ewropa. 11% biss taż-żgħażagħ lokali jieħdu sehem f’xi tip ta’ attività sportiva. Hemm bżonn li l-enfasi tal-kurrikulu jinbidel minn wieħed li hu prinċipalment kompetittiv għal wieħed iffukat fuq sports għall-gost u għal ħajja aħjar, dan sabiex ma nfixklux l-iżvilupp taż-żgħażagħ. L-enfasi għandha ssir fuq l-introduzzjoni ta’ sports differenti biex l-attivita’ sportiva tinkludi tfal u żgħażagħ b’ħiliet differenti.
Minflok ma niffokaw fuq ftit sports popolari, għandna jkollna programm ta’ sports differenti li jissodisfaw kapaċitajiet differenti. Diversi assoċjazzjonijiet sportivi jsaħħu ‘l-komunitajiet tagħna, iżda ħafna drabi ibatu minħabba li jiddependu fuq il-ħin tal-voluntiera u fuq sponsors, li mhux faċli issibhom. Jekk jirnexxielna ngħaqqdu l-iskejjel mal-klabbs sportivi fil-lokalità, kulħadd se jiggwadanja. Fuq naħa, t-tfal se jkunu esposti għal sports differenti u attivitajiet li jieħdu gost bihom. Min-naħa l-oħra, il-klabbs ikollhom l-opportunità li jippromwovu l-isport tagħhom, u possibilment anke jżidu s-sħubija fil-klabb.
Kif semmejt diġà biex ikollna rappreżentazzjoni sportiva aktar diversifikata fuq livell reġjonali, ir-reġjuni flimkien mal-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom is-saħħa li jmexxu l-amministrazzjoni tal-faċilitajiet sportivi reġjonali. Dan jiżgura wkoll li l-faċilitajiet jiġu allokati b’mod ġust u ekwu bejn kull sport. Naturalment, fejn dan mhux possibli, ikun neċessarju li wieħed jinvesti f’faċilitajiet ġodda u jirrinova kumplessi aktar qodma bħall-Marsa Sports Complex, li bħalissa jservi inadegwatament numru ta’ sports inkluż ir-Rugby, Baseball, Softball, Netball, Basketball, u Track and Field. Kif qal il-Prim Ministru Joseph Muscat stess; l-ekonomija hija b’saħħitha u l-isport jista’ jibbenefika minn dan is-suċċess.
Meta nitkellmu dwar l-infrastruttura għandna nqisu wkoll il-mod ta’ kif l-irħula tagħna inbiddlu għal agħar. Huwa ħasra li t-toroq u l-pjazez tagħna spiċċaw jagħtu prijorità lill-karozzi u ‘l-parkeġġi. Minħabba dan, il-kwalità tal-ħajja tagħna ġiet affettwata b’mod ħażin. Qed inżommu t-tfal u ż-żgħażagħ ‘il-bogħod minn spazji miftuħa. Biex tgħaxxaq, modi oħra ta’ trasport sostenibbli u sani bħaċ-ċikliżmu ġew totalment injorati. Għandna nagħtu preċedenza lin-nies fit-toroq tagħna.
L-Istrateġija għall-Isport għandha tmur lura għall-bażiku. L-isport ma jitkejjilx biss bil-medalji. Hemm bżonn li l-gvern jagħraf li l-isports huwa mezz kif jgħaqqad il-komunitajiet, u joffri attivita’ fiżika kif ukoll sens ta’ sodisfazzjon f’min jipparteċipa f’attivitajiet sportivi. Billi naħdmu b’attenzjoni u b’dedikazzjoni biex l-isports verament jidħol fil-qalba tal-komuniatjiet tagħna, żgur li fl-aħħar mill-aħħar inkunu ppremjati b’riżultati tajbin
Luke Caruana
Kelliem ta’ AD għall-Isport u ż-Żgħażagħ u Kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa