Meta, riċentment, kienu intervistati mill-medja lokali Uffiċjali tal-Awtoritá tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), ikkonfermaw dak li ilna nafu għal żmien konsiderevoli: it-tniġġiż tal-arja f’Malta hu prinċipalament ikkawżat mill-mezzi tat-trasport. Triq Sant’Anna fil-Furjana hi l-iktar triq bl-arja mniġġsa f’Malta filwaqt li mhux ‘il-bogħod li l-kwalitá tal-arja tal-Imsida teċċedi dak permissibli mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalitá tal-arja.
Hu ovvju li l-ħtija ewlenija għal dan hi ġejja min-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Gvern wara l-ieħor dejjem qagħda lura milli jindirizza l-problema bis-serjetá. Dejjem iduru mal-lewża: jindirizzaw il-konsegwenzi mingħajr il-kuraġġ li jiffukaw fuq il-kawża.
Is-soluzzjoni qegħda billi jonqos in-numru tal-karozzi fit-toroq tagħna kif ukoll li simultanjament titjieb il-kwalitá tal-karozzi li jibqgħu.
Waqt il-kampanja elettorali tal-2017 f’Malta, Alternattiva Demokratika ipproponiet li fi żmien 20 sena l-karozzi kollha fit-toroq tagħna jkunu jaħdmu bl-elettriku. Din il-proposta tfisser li fuq perjodu ta’ mhux iktar minn għoxrin sena ma jkollniex iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-disil fit-toroq tagħna. B’hekk, bla dubju, it-tniġġiż tal-arja, jonqos drastikament.
Din il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika kienet għoġbot lil Joseph Muscat li f’ Settembru 2017, f’waħda mill-prietki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd kien tkellem favur tagħha. Imma ma smajna xejn iktar dwarha minn dakinnhar!
Billi l-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi tagħna fil-parti l-kbira tagħhom idumu inqas minn ħmistax-il minuta hu ħafna possibli li n-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna jonqos. Dan faċilment jinftiehem għax għal dawn id-distanzi qosra hawn diversi mezzi alternattivi li jassiguraw mobilitá effiċjenti.
Jonqos biss ħaġa waħda: ma hawnx rieda politika biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Il-Furjana, minn barra li għandha t-triq bl-iktar arja mniġġsa f’Malta trid tiffaċċja ukoll l-emissjonijiet tal-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners), li, skond id-direzzjoni tar-riħ, iktar iva milli le, jonfħu d-dħaħen tagħhom direttament għal ġoż-żona residenzjali tal-Furjana. Din hi problema li f’miżura inqas hi ffaċċjata ukoll minn Birżebbuġa bħala riżultat tal-moviment tal-vapuri fil-Port Ħieles.
Il-vapuri suppost li jaqilbu l-magni tagħhom fuq żjut u fjuwil li jniġġes inqas hekk kif jidħlu fil-port. Din hi materja li hi regolata minn diversi direttivi tal-Unjoni Ewropeja. Id-diffikultá, bħal dejjem, hi, li l-infurzar tal-liġijiet ftit li xejn ikun osservat.
Teoretikament teżisti soluzzjoni oħra biex ikun ikkontrollat u jonqos sostanzjalment it-tniġġiż mill-vapuri ġaladarba dawn jkunu siguri fil-port. Jista’ jkun possibli li jagħmlu użu minn sors elettriku li joriġina mill-art flok mill-ġeneraturi tal-elettriku fuq il-vapuri.
Lokalment diġa tħejjew żewġ studji preliminari dwar dan: wieħed jiffoka fuq il-Port il-Kbir u l-ieħor fuq it-Terminal tal-Port Ħieles f’Birżebbuġa. Dawn l-istudji saru kif ġie inkoraġġit li jsir mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ elettriku mill-art mill-vapuri fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea.
Rakkomandazzjoni li saret fl-2006.
Dawn l-istudji jaslu għal konklużjonijiet simili fis-sens li ma jistax iseħħ progress bħala riżultat ta’ azzjoni unilaterali f’portijiet individwali. L-azzjoni u d-deċiżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu fuq livell tal-industrija tal-vapuri u trid tkun misjuqa internazzjonalment jew mill-Unjoni Ewropea.
Huwa magħruf li huma biss il-vapuri li jbaħħru lejn l-istat Amerikan ta’ Kalifornja li għandhom il-kapaċita teknika li jutilizzaw l-elettriku ġġenerat fuq l-art. Dan minħabba li l-Kalifornja għandha liġijiet li tobbliga li dan isir.
Ir-rakkomandazzjoni tal-2006 tal-Unjoni Ewropea ħejjiet it-triq biex saru numru ta’ studji dwar diversi portijiet tal-Unjoni dwar kemm jagħmel sens ekonomiku li fejn hemm portijiet viċin ħafna ta’ żoni residenzjali jitfu l-magni tagħhom u jagħmlu użu tal-elettriku mill-art. Nistgħu biss nittamaw li dawn l-istudji jittieħdu in konsiderazzjoni meta titfassal t-triq il-quddiem.
Carmel Cacopardo
Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 22 ta’ Lulju 2018