Il-PLPN kemm se jdumu jevitaw it-taxxi dovuti?

F’konferenza tal-aħbarijiet illum, ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal li f’ġieħ il-governanza tajba għandha tittejjeb il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi billi fost oħrajn tkun eliminata l-possibilita li jkunu l-partiti politiċi stess li jirregolaw lilhom infushom permezz tal-Kummissjoni Elettorali li hi komposta, nofs bin-nofs, ħlief għall-Kummissarju Ewlieni, minn rappreżentanti tal-partiti fil-parlament, inkluż membri attivi u eks-kandidati tal-PLPN.

Carmel Cacopardo qal li l-PLPN diġa jieħdu finanzjament, imma saħaq li kull sena kull partit politiku li jikseb tal-inqas 1% tal-voti f’elezzjoni ġenerali, jew f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew inkella fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali jirċievi direttament mill-istat għotja kull sena għal kull vot miksub.

“Fil-passat saru diversi proposti dwar dan. Fil-Manifest Elettorali tal-2013 Alternattiva Demokratika kienet ipproponiet li din l-għajnuna tkun ta’ €3 għal kull vot kull sena. Il-Partit Laburista fil-Parlament matul il-leġislatura 2008-2013 min-naħa l-oħra kien ippropona r-rata ta’ €5 għal kull vot. Il-Partit Nazzjonalista, fil-Gvern matul il-leġislatura 2008-2013 kif irrifjuta li jikkonsidra l-proposta tal-Partit Laburista. Illum huwa l-Partit Nazzjonalista innifsu li qed jitlob finanzjament dirett tal-istat għall-partiti politiċi. Imma illum il-Partit Laburista, fil-Gvern, mhux jaqbel! Ibiddlu d-diska skont jekk ikunux fil-gvern jew le! Din mhux serjetà.”

“Il-finanzjament mill-istat għandu jġib miegħu obbligi ġodda fuq il-partiti, u għandu jkun hemm limitazzjonijiet ikbar milli hemm illum dwar donazzjonijiet li partiti politiċi jkunu jistgħu jirċievu. Qed nipproponu li partit politiku ma jkunx jista’ jirċievi donazzjoni li taqbeż il-€5,000 fis-sena mingħand persuna partikolari. Dan il-limitu illum huwa ta’ €25,000. Hu meħtieġ ukoll li jkunu regolati l-kumpaniji kummerċjali tal-partiti politiċi. Idealment għandu jkun ipprojbit li l-partiti politiċi jiġġestixxu attivita kummerċjali. Sakemm dan iseħħ, iżda, hemm bżonn trasparenza ikbar fl-amministrazzjoni ta’ dawn l-azjendi. In partikolari ma tistax tibqa’ sitwazzjoni fejn il-kontijiet verifikati ta’ kumpaniji tal-PN u l-PL ilhom snin twal ma jkunu preżentati.”

“Huwa ta’ għajb li l-partiti politiċi PLPN jużaw dawn il-kumpaniji kummerċjali biex permezz tagħhom jiksbu finanzjament illegali fi kwalunkwe forma, taparsi servizzi. Infakkar fir-rivelazzjonijiet fil-media dwar abbozz ta’ ftehim bejn il-PL u Yorgen Fenech għal €200,000 ‘għal servizzi’ mill-media tal-PL. Ta’ min wieħed jiftakar ukoll fi ftehim ieħor tad-dB Group ma’ kumpaniji tal-PN ukoll għal ‘servizzi’ mill-media tal-partit. Fi żewġ ċirkustanzi li nafu bihom dawn id-‘deals’ kienu intenzjonati biex jaħbu donazzjonijiet bħala ħlas għal ‘servizzi’ biex jevitaw il-limiti tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Ta’ min wieħed jinnota li l-kumpaniji tal-PLPN ilhom ma jippreżentaw l-kontijiet awditjati għal għexieren ta’ snin.”

“Il-PLPN għandhom ukoll, ta’ kull sena, apparti li jiddikjaraw kemm kisbu donazzjojijiet, jiddikjaraw ukoll kull self li għandhom, irrispettivament mill-forma ta’ dan is-self. Mhux aċċettabbli li s-self – ġej minn fejn ġej – jinġeba u ma jiġix regolat ukoll. Il-Parlament għandu wkoll jeżamina sewwa liema hi l-propjeta pubblika li illum il-ġurnata hi użata mill-partiti politiċi. Għandu jassigura ruħu li din il-propjeta li dwarha titħallas il-kera, tkun soġetta għall-ħlas ta’ kirjiet kummerċjali li jkunu reveduta regolarment.”

“Min jitkellem fuq il-governanza tajba irid jagħti l-eżempju. Ftit ilu sirna nafu li l-media houses – jew aħjar il-magni ta’ propaganda – tal-PL u tal-PN għandhom tal-inqas kontijiet pendenti tal-VAT ta’ €5 miljuni. L-istat qed jagħlaq għajnejh. Naqsu wkoll milli jħallsu miljuni kbar ta’ Ewro f’kontijiet tad-dawl u l-ilma. Meta persuni jew kumpaniji jonqsu milli jħallsu l-kontijiet tagħhom, l-ARMS Ltd. u d-dipartiment tal-VAT jiġru warajhom, jaqtulgħhom is-servizzi, u jtellgħuhom il-qorti. Il-konsegwenzi għal ħaddieħor huma kbar, imma l-PLPN ma jħallsux il-miljuni kbar dovuti u qisu ma ġara xejn. Dawn huma n-nies li jilgħabuha, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, tal-paladini tal-governanza tajba, meta filfatt qegħdin jonqsu milli jħallsu dak dovut lejn l-istat. Neħduha bi kbira jekk ħaddieħor jitħajjar ukoll jevita t-taxxi? L-eżempju jkaxkar”, għalaq Carmel Cacopardo.

Meta jaqblilhom il-PLPN jaqblu: jaqblu li jieħdu rikba minn fuq dahar in-nies li jħallsu t-taxxi.

FacebookEmail