“Il-PL u l-PN m’għandhomx biex jifirħu”. Dan saħqitu Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD – the Green Party f’konferenza tal-aħbarijiet mis-sala tal-għadd tal-voti.
Il-fatt waħdu li mitt elf ruħ għażlu li ma vvutawx, apparti minn ħafna eluf oħra li għażlu li jivvutaw lil kandidati indipendenti, juri kemm ħafna nies tilfu l-fiduċja fil-partiti bħala parti essenzjali mill-proċess demokratiku.
Ħafna nies iħossuhom mbeżża’ li jassoċjaw ruħhom ma partit għax jemmnu li jiġu ttimbrati b’konsegwenzi fuq il-possibilitajiet tagħhom. Ma dan tiżdied is-sitwazzjoni gravi ta’ pajjiż mifni b’xamma tinten ta’ nepotiżmu u korruzzjoni. Dan qed inaffar ħafna nies, partikolarment żgħażagħ mill-partiti u saħansitra mill-politika. Bħala partit politiku, ADPD, qed tkun vittma ta’ dan ir-raġunar.
Gauci saħqet li l-pajjiż ħaqqu oppożizzjoni kredibbli li żżomm il-brejkijiet ta’ gvern li tilef kull boxxla etika. Għaldaqstant, kif għamilna fil-passat, meta l-AD ingħaqdet mal-PD, ADPD ser tkompli taħdem biex il-frammentazzjoni bejn nies ta’ twemmin simili ta’ rieda tajba innaqqsuha.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali Mario Mallia radd ħajr lill-votanti li wrew il-fiduċja tagħhom lill-ADPD. “Dan jonorana”, saħaq Mallia. Din it-turija ta’ fiduċja ser tkun l-ixprun biex l-ADPD tkompli bil-ħidma ta’ riġenerazzjoni nterna.
Fil-ġimgħat li gejjin, ADPD se tkun qed tanalizza r-riżultat b’iktar reqqa ħalli tagħraf tkompli tibni l-futur tagħha għal ġid tal-pajjiż. L-elezzjoni tal-lum mhijiex l-għan aħħari imma hija parti minn vjaġġ biex vuċi alternattiva tkun rappreżentata fil-Parlament ħalli d-demokrazija, s-sens ta’ viżjoni, u l-indafa fil-politika saltnu tabilħaqq.
Id-Deputat Chairperson Carmel Cacopardo qal ukoll li l-Kummissjoni mhux qed tagħmel id-data available għalina wkoll. Qed tiddiskrimina kontra tagħna. Qisu li tieħu sehem fi proċess demokratiku jiddependi min inti. Jekk mhux parti mill-PN/PL qisek ma teżistix. Dan qiegħed itellef milli insegwu u nissorveljaw bir-reqqa il-proċess elettorali, temm jgħid Cacopardo.