Carmel Cacopardo jitkellem dwar it-mina bejn Malta u Għawdex.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 26 ta’ Ottubru 2015
L-argument dwar jekk Malta u Għawdex għandhomx ikun magħqudin b’mod permanenti hu wieħed li ilu għaddej is-snin. Kien hemm żmien meta d-diskussjoni kienet dwar il-kostruzzjoni ta’ bridge. Dan kien jiswa’ kemxa ġmielha dakinnhar u għadu jiswa kemxa ġmielha anke illum kif wara kollox anke taw parir iċ-Ċiniżi. Issa hemm min hu entużjażmat bl-idea ta’ mina li titħaffer taħt qiegħ il-baħar. Il-Ministru tal-Finanzi fid-diskors tal-baġit qalilna li l-feasibility study ikkummissjonat minn Transport Malta u l-Gozo Business Chamber dwar il-mina kien lest. Imma jgħidilna ukoll, ftit wara, fl-istess diskors tal-baġit li l-pass li jmiss issa huwa l-istudju tekniku u ġeoloġiku dwar il-mina.
Il-mistoqsija toħroġ waħedha: kif tista’ tagħmel feasibility study sura, jiġifieri studju dwar jekk jaqbilx li jsir il-proġett, meta għadek ma lestejtx l-iktar studju importanti: dak ġeoloġiku?
F’kumment fuq it-Times ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet (23 t’Ottubru) il-ġeoloġista Malti Dr Peter Gatt spjega għaliex qabel ma jsir l-istudju ġeoloġiku ma tista’ tikkonkludi xejn. L-istudju ġeoloġiku, jekk isir sewwa, jidentifika l-problemi ġeoloġiċi fuq ir-rotta li tkun ser titħaffer. Min-naħa l-oħra, jekk l-istudju ma jsirx, jew jekk ma jsirx sewwa l-ispejjes tal-proġett jimmoltiplikaw. Kif ġara, jgħidilna Dr Gatt, fil-mina li tħaffret bejn Delimara u l-Marsa [bejn iż-żewġ power stations] li swiet id-doppju ta’ dak ippjanat, minħabba li, billi ma kienx hemm informazzjoni ġeoloġika adegwata f’idejn min fassal il-proġett, kien hemm kollass tal-blat f’diversi partijiet tal-mina.
Fir-rotta li minnha hu ippjanat li tgħaddi l-mina, hemm qasmiet kbar fil-blat. Qasmiet fondi li jissejħu geological faults. Hemm minnhom li għadhom attivi, jiġifieri li jiċċaqalqu ftit millimetri perjodikament. Dawn l-affarijiet ikunu studjati sewwa meta jsir studju ġeoloġiku. Minn analiżi ta’ dak li jirriżulta mill-istudju li jsir ikun stabilit jekk hux possibli li l-mina issir u kemm din tiġi tiswa wara li jiġu ppjanati u jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji.
Qed jgħidulna li l-ispiża tista’ tiġi bejn €250 u €300 miljun. Dan qed jgħiduh minn qabel ma jafu x’ser jirriżulta meħtieg bħala riżultat tal-istudju ġeoloġiku. Din l-istima hi baxxa ħafna, u kuntrarju għal dak li qed jingħad hu probabbli li l-istima eventwali tqarreb u anke taqbeż il-biljun euro.
Hemm dawn il-problemi kollha u għandna ma bdejniex nitkellmu dwar impatti ambjentali, li minnhom hemm diversi.
Il-mina, biex issir, ser tiġġenera kwantità kbira ta’ blat li jrid jitqatta. Dan ivarja skond id-diżinn tal-mina u t-tul tar-rotta u jista’ jakkumula sa żewġ miljun metri kubi ta’ blat. Hemm ukoll is-siti Natura 2000 li qegħdin viċin ħafna taż-żona fejn ser tiżbokka l-mina fl-inħawi taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa.
Il-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd Illum ippubblikata l-bieraħ ikkumentat fuq stħarriġ tal-Assoċjazzjoni Għawdija tat-Turiżmu dwar din il-mina. 64% mill-operaturi turistiċi Għawdxin huma kontra li ssir din il-mina għax biha Għawdex isir sempliċiment estensjoni ta’ Malta. Jitlef l-identità tiegħu u jsir destinazzjoni ta’ ġurnata waħda. Imbagħad ma jkunx hemm ħtieġa tal-lukandi, farmhouses jew flats għall-kiri f’Ghawdex. Dan huwa l-ewwel sinjal li anke f’Għawdex qed tikber l-Opposizzjoni għall-proposta tal-mina.
Huwa tajjeb li anke l-Għawdxin qed jiftħu għajnejhom. Għax il-mina, kieku kellha issir iktar tagħmel ħsara milli ġid. Tajjeb li niddiskutu l-proposta għax bid-diskussjoni iktar nies jiftħu għajnejhom.
Insellmilkom.
Carmel Cacopardo