Il-Masterplan ta’ Paceville jżid it-tniġġis

Rappreżentazzjonijiet ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-Paceville Masterplan Alternattiva Demokratika jidrilha illi:

1. Fit-tfassil tal-Masterplan id-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-kosta mhux qed tiġi segwita u l-Masterplan qed jipproponi li isir bini ta’ blokki ta’ tletin sular viċin il-kosta. AD hija kontra ta’ dan it-tip ta’ żvilupp għax minflok jgħaddi l-kosta lura lin-nies ikompli mal-iżvilupp massiċċ li diġà qerdet ħafna mill-kosta. Dan apparti li fil-Masterplan innifsu hemm kontradizzjoni, għax l-ewwel jgħid li l-iktar bini għoli għandu jkun ‘l ġewwa mill-kosta u imbagħad donnu xi ħadd żied din il-proposta.

2. Il-proposta’ ta’ reklamazzjoni tal-art biex jinbnew aktar blokki mal-kosta tmur kontra l-ispirtu tal-liġi, barra li huwa kunċett li jkompli jżid l-‘overdevelopment’ taż-żona. Il-ħsara ekoloġika u t-teħid tal-baħar mill-użu pubbliku huma raġunijiet biżżejjed kontra r-reklamazzjoni tal-art bla bżonn. Dan imur kontra il-leġiżlazzjoni magħrufa bħala Public Domain Act approvat mill-Parlament iktar kmieni matul is-sena.

3. Il-Masterplan fl-opinjoni tagħna huwa mfassal għall-ħtiġijiet ta’ ftit żviluppaturi kbar u jinjora għal kollox l-aspirazzjonijiet ta’ negozji żgħar, ir-residenti ta’ Paceville u l-pubbliku. Il-Masterplan ifisser li residenti preżenti ikollhom jitilqu.

4. Iż-żieda fil-konsum tal-elettriku – aktar mill-elettriku użat mill-isptar Mater Dei għandu jiġi kollu minn sorsi renovabbli ta’ enerġija. L-investiment biex tiġi ġenerata enerġija minn sorsi renovabbli għandu jsir mill-iżviluppaturi.

5. Il-Masteplan isemmi mina fi Triq Reġjonali u ż-żieda massiċċa ta’ 30,000 vettura. L-ippjanar modern jesiġi li isir investiment f’sistema ta’ trasport pubbliku. Mina għat-traffiku tfisser biss iżjed traffiku. Anke jekk kellha ssir dan l-infieq kbir ta’ mijiet ta’ miljuni għandu jsir mill-iżviluppaturi li se jgawdu minn dan l-infieq, li s’issa jidher li se jkun infieq pubbliku.

AD iżda jidrilha li l-mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro li għandhom jikkontribwixxu l-iżviluppaturi għandhom jintefqu fuq tisħiħ tat-trasport pubbliku u fuq sistema ta’ passaġġi siguri u mantenuti tajjeb għar-roti, roti elettriċi u pedestrians li jgħaqqdu Triq Reġjonali, l-bypasses li jwasslu għal Triq Reġjonali, u l-lokalitajiet kollha ta’ madwar minn Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Imsida, Swatar, l-Gzira u Ta’ Xbiex, u anke tul il-by-pass tal-Iklin – l-Universita’, Birkirkara u Ħal Lija u Ħal Balzan. B’dan il-mod isir network ta’ passaġġi siguri għal trasport nadif u minflok jintefqu l-mijiet kbar ta’ miljuni fuq mina li żżid it-traffiku u li taqdi lill-ftit minflok isir network ta’ passaġġi siguri li jilħqu aktar nies u l-investiment itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies minflok iżid it-tniġġis. Fil-każ ta’ vetturi, muturi zgħar (mopeds) għandhom jingħataw prijorita’ anke fejn jidħol parkeġġ.

6. Il-ġustizzja soċjali titlob li kull xogħol neċessarju ta’ infrastruttura jitħallas mill-iżviluppaturi u  mhux mit-taxpayer.

FacebookEmail