Il-kumpanija tat-Trasport Pubbliku trid taqdef aktar biex toffri servizz tajjeb
Filwaqt li milli jidher l-użu tal-kard imħallsa minn qabel qed iħaffef is-servizz tal-linja, il-kumpanija Malta Public Transport għandha tagħmilha faċli aktar biex persuni li m’għandhomx aċċess għall-internet jew mhux komdi jużaw l-internet bħal kategoriji ta’ anzjani jħaddmu il-kard tajjeb.
Ralph Cassar, kelliem għat-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura ta’ AD qal li f’ċertu rħula is-servizz għadu mhux ta’ min jiddependi fuqu. “In-numru ta’ karozzi tal-linja huwa biżżejjed għall-ħtigijiet tal-passiġġieri jew għad hemm nuqqas ta’ karozzi? Min naħa ta’ Transport Malta u l-Pulizija hemm bżonn sforz serju biex il-bus lanes jintużaw b’mod tajjeb. Għadek tara ipparkjar bl-addoċċ ta’ karozzi fuq bus stops u karozzi jużaw il-bus lanes.”
“Huwa importanti ħafna li s-sistema ta’ trasport pubbliku dejjem tiżviluppa u titjieb. Hemm bżonn ukoll trasparenza sħiħa, anke dwar problemi fl-operat tas-sistema, għax b’hekk biss jistgħu l-affarijiet jitjiebu u jmorru għall-aħjar. Fl-aħħar minn l-aħħar hemm bżonn li s-sistema ta’ trasport pubbliku tiġi estiż għal servizzi bil-baħar, speċjalment fil-postijiet l-aktar traffikużi u mniġġsa bl-użu ta’ sistema ta’ biljetti komuni, minflok sistema differenti għal servizzi differenti. Mistosija li tqum hija fejn waslu l-pjanijiet li kien semma l-Gvern dwar sistema differenti ta’ trasport li għaliha saru proposti lill-UE.”
“Fl-aħħar huwa importanti li jittieħed il-pass li jmiss – u fil-postijiet ċentrali servuti bit-trasport pubbliku bħal per eżempju Paola, l-Imsida, l-Ħamrun u l-Mosta, fost oħrajn, jittieħdu miżuri serji biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mit-traffiku li qed jikkawża problemi kbar ta’ saħħa. Huwa ta’ għajb li l-partiti l-oħra qatt m’urew serjeta’ f’dal-qasam.”