Il-frodi fil-qasam tas-saħħa jfisser tbatija għan-nies

F’konferenza stampa quddiem l-Isptar San Luqa, l-kandidata u Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li l-islogans tal-Partit Laburista ‘is-saħħa f’idejk’ huma kliem fieraħ. “San Luqa huwa s-simbolu tal-ħela ta’ flus, tat-traskuraġni u ta’ frodi u serq. Huwa ovvju li min huma l-frodisti u l-ħallelin fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu l-qrati, imma r-rapport tal-inkjesta, ippublikat mill-MaltaToday dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi juri kemm l-inkjesta daħlet fil-fond. Ir-rapport jispjega x’fihom id-dokumenti li sabet il-maġistrat. L-emails u r-rapporti li nstabu joffru stampa li tbellhek ta’ pjan maħdum bir-reqqa minn frodisti professjonali. Għal min għandu għajnejh f’wiċċu, l-frodi u s-serq huwa ċar.”

“Huwa ċar li fuq quddiem Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, akkużati b’ħasil ta’ flus, frodi, korruzzjoni u numru ta’ affarijiet oħra relatati għandhom iwieġbu ta’ għemilhom, jgħidu x’jgħidu min għadu jappoġġjahom.”

“Sadanittanti s-servizzi tas-saħħa mhux qed ilaħħqu mad-domanda, sadanittant l-listi ta’ stennija jkomplu jiżdiedu. Dan li ġġib il-frodi u l-korruzzjoni. Ma kellniex għalfejn nistennew sal-lum biex inkunu nafu bit-taħwid kbir fl-isptarijiet. Lura f’nofs is-sena elfejn u għoxrin (2020) kien ippubblikat rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals. Dakinhar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali biċ-ċar u bla tlaqliq li din kienet konċessjoni mifthema minn qabel u iddisinjata biss biex jintużaw assi pubbliċi għal profitti enormi tal-privat. Anke dakinhar, erba’ snin ilu, kien ċar u ovvju li l-kandidat u ministru stilla tal-PL Konrad Mizzi tħalla jaġixxi b’mod li jiffavorixxi lil kumpaniji privati għas-skapitu tal-gvern u tal-istat Malti. Anke dakinhar kien ċar u ovvju li tal-anqas Joseph Muscat u l-Partit Laburista għalqu għajnejhom it-tnejn għal dak li kien qed jiġri. Kien diġà ċar li huma ħatja ta’ negliġenza grassa. Anke dakinhar aħna konna sejjaħna biex Konrad Mizzi u Joseph Muscat, fost oħrajn, ikunu investigati kriminalment dwar il-każ.”

Mina Jack Tolu, kandidat u teżorier ta’ ADPD qal li waqt li għaddej it-taħwid u l-frodi settur ieħor tas-saħħa li bata u għadu jbati huwa dak tas-saħħa mentali. Sakemm qed isir is-serq u l-frodi l-isptar mentali tal-gvern tħalla jkompli jiddeterjora, tħalla fi stat tal-biki. Qal li n-nuqqas ta’ ħsieb fil-politika tal-kura tas-saħħa qed jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għall-individwi. Oħrajn qed ibatu minħabba nuqqas ta’ appoġġ għall-kundizzjoni tagħhom. Dan qed ipoggi lill-persuni vulnerabbli f’riskju akbar, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Il-kelliem Mina Jack Tolu qal li l-Ħodor eletti fil-Parlament Ewropew se jiżguraw li kulħadd fl-UE jkollu dritt għal aċċess effettiv għas-saħħa. In-nuqqas ta’ investiment, il-privatizzazzjoni, u n-negliġenza u n-nuqqas ta’ prevenzjoni jpoġġu lill-pazjenti u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa f’riskju, fiżikament u mentalment. Se nirsistu biex neliminaw l-inugwaljanzi fis-saħħa u niggarantixxu aċċess għal mediċini u trattamenti affordabbli. In-nuqqas ta’ xi mediċini u anke ta’ attenzjoni lejn servizzi ta’ saħħa mentali għandhom ikunu prijorità. Pjan Ewropew għas-saħħa mentali għandu jinkludi aċċess għan-natura u r-rikreazzjoni, kif ukoll għal attivitajiet kulturali u kreattivi.

Il-kandidat u Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Ralph Cassar saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li kull stat membru jkollu aċċess għal mediċini affordabbli u trattament xieraq, modern u effettiv. Dan għandu jgħodd għal kull aspett tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari fil-kura tal-kanċer u ta’ mard rari.

“Jiswielek li x-xiri ta’ ċertu mediċini, partikolarment dawk speċjalizzati, jsir fuq livell Ewropew. Dan jiswa b’mod partikolari għal pajjiżi żgħar bħal Malta, għax ix-xiri fuq livell Ewropew jiżgura li s-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna jkollu aċċess għal mediċina speċjalizzata bi prezzijiet aħjar, u fl-aħħar mill-aħħar li l-pazjent ikollu aċċess għall-kura meħtieġa. Jiswielek ukoll li l-Unjoni Ewropea tkun organizzata għall-emerġenzi tas-saħħa u f’każ ta’ diżastri naturali.”

FacebookEmail