Hemm bżonn investiment kbir fil-qasam tal-enerġija nadifa. Ma nistgħux nibqgħu nistennew. Investiment tajjeb għall-ambjent, għal saħħitna, għall-ekonomija u għalina illum u għat-tfal tagħna għada.
Diġa wasalna nofs triq – mhux fit-tajjeb imma fil-ħażin. Nofs triq lejn bidla fil-klima b’effetti kbar fuq id-dinja, u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-bnedmin. Skont studju ikkummissjonat mir-rivista ‘New Scientist’ (1 Awwissu 2015, paġni 8 u 9 u online 29 Lulju 2015: https://www.newscientist.com/article/mg22730324-200-earth-now-halfway-to-un-global-warming-limit/), id-dinja dieħla f’żmien ta’ tisħin ta’ malajr, bis-sena 2015 tikser ir-rekord tat-temperatura medja. Xjenzati iqisu żieda ta’ aktar minn 2 grad Celsius fit-temperatura medja mill-perjodu pre-industrijali bħala perikoluż. Din is-sena milli jidher waslana f’nofs it-triq – żieda ta’ 1 grad Celcius fit-temperatura medja.
Il-biża hija li x-xjenzati kienu kawti wisq fil-previżjonijiet tagħhom u l-effetti kbar se nibdew narawhom aktar malajr milli previst – minn tempesti aktar ħarxa u devastanti sa żieda fil-livell tal-baħar, anke sa 5 metri. Għal Malta żieda fil-livell tal-baħar b’5 metri jkun diżastru.
Hemm bżonn urġenti li fuq livell internazzjonali Malta tagħmel l-almu tagħħa biex tikkonvinċi li jittieħdu passi ta’ malajr biex innaqqsu u inneħħu d-dipendenza tad-dinja fuq l-karburnti fossili – kemm minħabba l-klima, kif ukoll minħabba t-tniġġis perikoluż tal-arja. Hemm bżonn ukoll li r-rapporti li għandu l-Gvern, bħal dak dwar żvilupp sostenibbli – li baqa’ fuq l-ixkaffa, jibda jiġi attwat. L-eżempju jkaxkar. Mid-dehra iżda jekk nieħdu l-livell baxx ta’ diskussjoni politika f’pajjiżna, kif konna se nibqgħu.
Ekonomija msejsa fuq 100% tal-enerġija minn sorsi nodfa hija fattibbli: