ADPD qed tagħmel dawn l-osservazzjonijiet dwar id-diskors tal-baġit 2021 li sar il-bieraħ:
- Ma setax jonqos li l-inċentivar tal-ekonomija tkun prijorità ta’ dan il-baġit sabiex ir-rota ekonomika tkompli ddur. Fl-istess waqt il-pajjiż qed iħallas il-prezz ta’ gvern li issa qed jipprova jirkupra sitwazzjoni ta’ mxija li ħarbet minn idejh frott ta’ tmexxija li ġabet kunsiderazzjonijiet ekonomiċi qabel l-interessi ta’ saħħa.
- F’mument ta’ kriżi, konna nistennew li gvern kreattiv joħroġ bi proposti ta’ diversifikazzjoni li jnaqqsu d-dipendenza tal-ekonomija Maltija minn fuq it-turiżmu u l-kostruzzjoni. Minflok, l-enfasi baqgħet fejn kienet qabel. Fuq is-settur tal-kostruzzjoni, il-gvern ta’ l-impressjoni li lest iħalli kollox kif inhu, b’detriment għal kwalità tal-ħajja ta’ nies li qed jgħixu fid-dell perpetwu ta’ bini bla rażan, jekk mhux ukoll qed jirriskjaw ħajjithom.
- Min-naħa l-gvern permezz ta’ dan il-baġit jagħti l-impressjoni li qed joffri l-għajnuna b’diversi inċentivi, imma min-naħa l-oħra jaqta’ saqajn diversi setturi importanti. Partikolarment fil-kaz tal-agrikoltura, il-gvern habbar xi nċentivi li minnhom infushom huma tajbin. Fl-istess waqt iżda, il-gvern jibqa’ jinsisti li jissagrifika ħafna art agrikola u joqtol l-għixien ta’ ħafna bdiewa biex ikun jista’ jissodisfa l-kilba ghal iktar toroq u roundabouts, li jkomplu jaggravaw il-problema tan-numru ta’ karozzi fit-toroq u allura tal-kwalità ħażina tal-arja.
- Bl-istess mod, il-gvern jiftaħar bi strateġija favur il-bijodiversità meta illum nafu li Malta għandha l-ikbar theddida għal bijodiversità fid-dinja, frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar serju. Qajla baqa’ bijodiversità x’nipproteġu.
- Huwa nteressanti kif minn naħa l-gvern jiftaħar li ser jagħti lill-pubbliku art f’Ta’ Qali għar-rikreazzjoni, u fl-istess waqt, seraq minn ħalq il-pubbliku Malti artijiet estensivi fl-Aħrax u l-Miżieb li baxx baxx ingħataw lill-kaċċaturi, b’detriment għall-kumplament tal-poplu.
- Il-gvern isemmi l-bidla fil-klima, imma fl-istess ħin, ilu jaħsibha 5 snin biex jibda jippjana l-implimentazzjoni tat-taħdidiet ta’ Pariġi dwar l-istess suġġett. Strateġija bil-għaqal timplika politika li tnaqqas il-vetturi fit-toroq mhux politika ta’ akkomodazzjoni ta’ iktar traffiku permezz ta’ proġetti mostrużi bħal ma huma l-proġett tas-Central Link. Huwa insolenti li wara li jħarbat kull m’hemm bit-toroq, il-gvern iwiegħed studju dwar light rail taħt l-art. Il-fatt jibqa’ li light rail tista’ ssir u tirnexxi biss jekk żoni kbar ta’ Malta jkunu magħluqin għall-karozzi, xi ħaġa li l-gvern m’għandux sinsla jikkunsidra. Dan filwaqt li l-gvern jibqa’ jinjora soluzzjonijiet immedjati fosthom sistema ta’ Bus Rapid Transit. Anke hawnhekk, jidher biċ-ċar li l-gvern m’għandux il-viżjoni politika u ambjentali neċessarja li jirriserva toroq għall-użu esklussiv tat-trasport pubbliku.
- Fuq il-mina bejn Malta u Għawdex, il-gvern issa jidher li qed jirrikonoxxi li din taf ma tkunx fattibbli. Dan ammettih il-Ministru tal-Finanzi stess fid-diskors tal-baġit għax jaf li l-unika soluzzjoni hija l-Fast Ferry bejn il-gżejjer, kif ukoll ir-raba’ vapur.
- Filwaqt li huwa tajjeb li l-gvern qed jaħseb fi proġett ta’ riċiklar u esportazzjoni tal-materjal riċiklabbli, fl-istess waqt il-gvern baqa’ jinsisti fuq il-proġett tal-inċinerazzjoni ta’ 40% tal-iskart li jimmina l-istess proġett ta’ riċiklar kif imsemmi. Dan peress li l-impjant ta’ inċinerazzjoni jiddependi minn ammont sostanzjali ta’ skart biex ikun vijabbli. Għal darb’oħra jidher biċ-ċar li mhemmx direzzjoni ċara ‘l fejn għandu jimraħ pajjiżna. Ta’ min isemmi li l-gvern naqas milli jilħaq il-mira ta’ 55% tal-iskart riċiklat sal-2020.
- Fuq il-pjaga tal-prekarjat, filwaqt li l-gvern tenna li ser iżid is-sorveljanza fuq il-postijiet tax-xogħol biex jara li ma jkunx hemm ħaddiema sfruttati, mill-banda l-oħra naqas milli jipproponi mekkaniżmi adekwati li jnaqqsu l-isfruttament tal-ħaddiema. Partikolarment ħaddiema immigranti, li qed ikollu impatt fuq il-ħaddiema Maltin ukoll, li jkollhom jikkompetu għal pagi u kundizzjonijiet miżeri.
- Fl-aħħarnett, ingħad ħafna fuq il-governanza tajba bħala prijorità għal gvern. Dan jistona mal-fatt li l-istess ministru li qed jitkellem fuq il-governanza tajba kif ukoll membri oħra tal-kabinett, fil-passat ma ddejqux idawwru wiċċhom in-naħa l-oħra meta s-sens ta’ diċenza u etika kien jitlob mod ieħor. Il-kredibiltà ma titkejjilx bil-kliem sbieħ imma bil-fatti.
Kollox ma kollox, anke jekk hemm miżuri ta’ ġid, dan il-baġit jagħti mpressjoni ta’ gvern b’viżjoni mċapra u konfliġġenti. Ghall-paroli jinqalgħu, imma bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.