Għaqda Bdiewa Attivi: X’tahseb li hija s-soluzzjoni sabex prodotti minn barra l-UE mkabbrin bi standards (ambjentali, socjali) aktar baxxi minn dawk Ewropej u li jidhlu fis-swieq Ewropej minhabba ftehimijiet bilaterali bejn dawn il-pajjizi u l-UE ma jkunux ta’ kompetizzjoni ngusta ma’ prodotti Maltin (u Ewropej)?
Ralph Cassar: Grazzi tal-mistoqsijiet tiegħek. Qed nwieġeb f’isem il-partit ADPD u l-kandidati kollha tagħna għall-Parlament Ewropew iġifieri, f’ismi Ralph Cassar, u Sandra Gauci, Mina Jack Tolu u Rachelle Deguara.
Il-problema hija l-fissazzjoni tat-trojka PPE-Soċjalisti-Liberali li moħħhom biex jiffirmaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bħal, per eżempju, dak UE-Mersosur li jħalli l-importazzjoni tal-ikel li fuqu ntużaw pestiċidi li l-bdiewa tal-UE ma jistgħux jużaw imma li kumpaniji bħal BASF, Bayer u Cargil jipproduċu fl-UE u jbellgħu lill-bdiewa u lill-agroindustrija f’pajjiżi oħra ifqar. Jeqirdu lill-bdiewa fqar, jivvalenaw l-artijiet f’pajjiżi fqar l-aqwa li l-ħbieb tagħhom jiffroxxnaw. Tal-mistħija. Hemm il-kompetizzjoni inġusta fejn prodotti rħas immens, anke minħabba sussidji enormi mill-gvernijiet, pereżempju mill-Magreb, jispiċċaw fis-swieq tal-UE. Aħna rridu level playing field.
Jiswielek li aħna l-Ħodor inkomplu nimbuttaw biex intejbu l-ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment biex niżguraw li d-drittijiet soċjali, l-ambjent u l-klima, fl-interess tagħna lkoll ikunu żgurati. Il-Ftehim ta’ Pariġi, il-ftehim dwar il-bijodiversità Kunming-Montreal, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) għandhom isiru elementi essenzjali tal-ftehimiet ta’ kummerċ. L-ebda ftehim kummerċjali m’għandu jimmina l-istandards għoljin tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fejn jidħlu standards ta’ kwalità, standards soċjali u tax-xogħol, u standards agrikoli u ambjentali.
Għaqda Bdiewa Attivi: Hafna studji* juru li meta l-politika agrarja tipprijoritizza politika ambjentali b’tali mod li tohloq hafna sikkatura u regolamenti li jkunu jridu jimxu maghhom il-produtturi differenti, il-produzzjoni tal-ikel tonqos. Fid-dawl tal-incertezzi fis-sigurta` tal-ikel tal-Ewropa, ghandha l-UE tibqa’ tipprijoritizza standards ambjentali fuq is-sigurta` tal-ikel tal-popli taghha?
* https://www.wur.nl/en/research-results/research-institutes/economic-research/show-wecr/green-deal-probably-leads-to-lower-agricultural-yields.htm u https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/aepp.13239
Ralph Cassar: Il-politika ambjentali mhux għadu iżda alleata tal-bdiewa ġenwini. L-għadu hija s-sistema ekonomika inġusta. Standards ambjentali għoljin ifissru kwalita ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Hemm diversi studji li juru li t-tranżiżżjoni hija possibbli. Mat-tranżizzjoni ekoloġika tmur id f’id it-tranżizzjoni soċjali u ekonomika. Ħafna studji juru infatti li s-sigurta tal-ikel HIJA PROTETTA jekk nipproteġu u nippromwovu standards ambjentali għoljin.
Eżempju 1: https://www.nature.com/articles/s43247-022-00550-2Protect European green agricultural policies for future food security
Eżempju 2: https://doi.org/10.1016/j.ecolmodel.2019.108889Reconciling biodiversity conservation, food production and farmers’ demand in agricultural landscapes
L-importanti hija li l-UE tipprijoritizza lill-bdiewa ta’ veru, u MHUX lill-multinazzjonali li jkissru s-swieq tal-ikel, jeqirdu l-art u jippromwovu biedja industrijali. Il-bdiewa għandhom bżonn għajnuna teknika u xjentifika għat-trażizzjoni lejn metodi agroekoloġiċi. Kuntrarju għal dak li jingħad minn xi interessi kbar, biedja sostenibbli, reżiljenti għall-kriżijiet ta’ sigurta tal-ikel, kemm preżenti u kemm futuri għandha tkun ibbażata fuq art (farmland) ekoloġikament b’saħħita, li fl-aħħar mill-aħħar tiddependi għal kollox mill-protezzjoni tal-bijodiversita u anke minn azzjoni biex niġġieldu u nnaqqsu l-effetti devastanti tal-bidla fil-klima. Għaldaqstant l-UE għandha tirrifroma l-PAK biex il-flus imorru fejn vera hemm bżonnhom. Jekk nibqgħu nduru kontra n-natura, fl-aħħar mill-aħħar in-natura ddur kontrina u meta tikkrolla s-sistema ekoloġika, jikkrolla kollox magħha. Kif sostniet Rachel Carson fil-ktieb Silent Spring lura fl-1962: “But man is a part of nature, and his war against nature is inevitably a war against himself.”