“Xejn ħlief messaġġ ċar mill-votanti mhu se jwassal għal bidliet mill-qiegħ fis-sistema politika tagħna”
Xahrejn biss wara li ġejt lura mill-Awstralja inqatlet Daphne Caruana Galizia. Wara x-xokk kbir li kont ħadt dakinhar, ir-rapport ta’ l-inkjesta li ħareġ is-sena l-oħra sempliċiment ikkonferma dak li konna ilna nafu – li l-kultura ta’ impunità f’pajjiżna kellha l-barka ta’ Kastilja.
Li sirna nafu kemm waqt kif ukoll wara dik l-inkjesta ma kienx sorpriża. Konxji ħafna mir-rabta mill-qrib wisq bejn xi negozjanti u politiċi li xekklet bil-kbir il-governanza f’pajjiżna, u ħamritilina wiċċna internazzjonalment. Imma dan ma kienx sorpriża xejn. In-nuqqas t’azzjoni u riformi meħtieġa ġew injorati mill-partiti fil-gvern fuq medda t’għexieren ta’ snin.
Għal darb’oħra għandna kampanja elettorali fejn il-PLPN qegħdin jonfqu mijiet ta’ eluf ta’ euros fuq billboards, attivitajiet tal-massa, reklamar, materjal stampat u forom oħra ta’ propaganda.
Imma il-flus kollha għal dan kollu minn fejn ġejjin? Nafu li dawk li illum qegħdin isostnu lill-PLPN jistennew li dak l-“investiment” li qegħdin jagħmlu jirrendi meta dawk il-partiti jkunu fil-Gvern. Din hija daqqa ta’ ħarta kbira għad-demokrazija fejn dawk li ma ġewx eletti fil-parlament qegħdin imexxu il-politika ta’ pajjiżna. Il-Parlament sar qisu dar ta’ l-irkant – ibiegħ ruħhu għal min “jinvesti” l-aktar.
Kollha kemm aħna nafu li din il-prattika għandha titwaqqaf kemm jista’ jkun malajr. L-AD+PD ippreżentat numru ta’ proposti fil-manifest elettorali tagħha għal din l-elezzjoni bil-għan li tissaħħaħ l-etika fil-ħajja pubblika u li pajjiżna jkun jista’ verament jissejjaħ pajjiż demokratiku. Dawn il-proposti jinkludu qala’ mill-qiegħ tar-regolament eżistenti dwar il-finanzjament tal-partiti – dawn l-anqas biss qegħdin jitħaddmu fil-preżent barra li mhumiex adegwati.
Il-partiti m’għandhomx jibqgħu aktar jiddependu minn interessi privati għal finanzjament tagħhom. Il-Kummissjoni Elettorali m’għandiex tibqa’ aktar titmexxa minn rappreżentanti appuntati mill-gvern u mill-opposizzjoni – għaliex dan qisek qed titlob lil xi ħadd biex fl-istess nifs jinvestiga u jikkontrolla lilu nnifsu. Bl-istess mod, m’għandhom ikunu rappreżentanti tal-partiti appuntati fuq bordijiet t’awtoritajiet pubbliċi. Għandu jkun il-parlament stess li jissorvelja ħidmet dawn l-awtoritajiet bit-twaqqif ta’ kumitati parlamentari.
Ir-riformi għandhom jilħqu ukoll lis-sistema elettorali tagħna biex din ma tkomplix isservi biex tirfed ir-renju tal-PLPN. Għandna bżonn sistema fejn in-nies tivvota għal prinċipji u etika u biex il-valuri tagħhom verament jkunu rappreżentati fil-parlament. Is-sistema elettorali li għandna bħalissa tinjora kompletament ir-rappreżentanza mistħoqqa għal voti miksuba minn partiti oħra barra l-PLPN.
Hemm nuqqas ta’ ġustizzja fis-sistema elettorali tagħna, bil-ħtieġa li din tiġi mtejjba ħalli kull vot jgħodd. M’għandhomx ikunu biss il-voti tal-PLPN li jingħaddu skond il-mekkaniżmu kostituzzjonali stabbilit imma il-voti kollha. Għandu jkun possibbli li il-membri parlamentari eletti jiddedikaw ruħhom full-time – u dan kemm biex jkun jistgħu jaqdu ħidmiethom aħjar imma ukoll biex jiġu evitati konflitti ta’ interessi.
Il-lobbying li jsir minn taħt biex jiffavorixxi lil uħud għandu jkun soġġett għal miżuri ċari ta’ trasparenza. Aktar laqgħat għandhom ikunu miftuħa għal pubbliku u reġistri ta’ lobbying ikunu aċċessibbli liberament. Għandna bżonn li l-korruzzjoni li fnietna titnaffar sew u din il-miżura tkun ta’ għajnuna kbira biex dan iseħħ.
‘Fenomenu’ ieħor li żbroffa tul is-snin hu il-ħatra ta’ ‘persons of trust’ fi ħdan il-ministeri. Huwa fatt magħruf li din is-sistema ta’ ħatriet ġiet abbużata biex persuna viċin il-partit fil-gvern ġew impjegati direttament. Hija il-kompetenza li għandha twassal għal impjieg u mhux xi favur. Din il-prattika swietilna wisq u għanda titwaqqaf immedjatament.
L-ADPD se tkompli tesiġi li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu implimentati kollha. Hemm bżonn li dak li k-kawża din it-traġedja jinqala’ mill-għeruq.
Jekk kien hawn żmien meta kellna bżonn inbiddlu kif il-politika f’pajjiżna titwettaq dan żgur huwa mill-aktar urġenti illum. Il-vot tiegħek jiswa’ aktar jekk tibgħat messaġġ ċar bih – vot kontra is-sistema korrotta li għandna. Bil-vot tiegħek tista’ toffri lil dan il-pajjiż futur isbaħ, iktar nadif u aħdar… qabel ma jkun tard wisq!
Għall-kandidati u il-manifest elettorali tal-AD+PD ara www.ahdar.green
Brian Decelis
Kandidat fuq id-Distretti 3 u 4