Għalfejn nirriċiklaw? – Carmel Cacopardo

recycling

Carmel Cacopardo​ jitkellem dwar is-separazzjoni tal-iskart.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 19 ta’ Ottubru 2015

Kull ma narmu għandu użu:  anke iż-żibel hu utli. Is-separazzjoni tal-iskart, illum hi parti essenzjali mir-rutina tal-ħajja tagħna. Nisseparaw il-karta, il-ħġieg, il-metall u l-plastic. Dan huwa kollu materjal li jista’ jerġa’ jintuża’.  Ifisser ukoll li jkun hemm bżonn ferm inqas enerġija biex ikun hemm produzzjoni ta’ iktar karta, ħġieġ, metalli u plastic mill-prodotti li nirriċiklaw. Dawn flok ma jintremew fil-miżbla jibqgħu jiċċirkulaw fl-ekonomija.

Nirriċiklaw ukoll l-apparat elettriku u elettroniku. It-TV, il-fridge, ir-radju, il –computer jew il-laptop. Flok ma jintremew, illum il-ġurnata jżarmawhom biċċa biċċa u l-partijiet kollha tagħhom jerġgħu jagħmlu użu minnhom. Uħud minn dan l-apparat ikollu materjali rari:  hu iktar utli għal kulħadd li minflok dawn ma jintremew jiġu utilizzati mill-ġdid.

Nirriċikaw ukoll il-batteriji għax meta dawn jintremew fil-miżbliet, biż-żmien, iniġġsu kull m’hemm u jagħmlu ħsara kbira ambjentali.

Pajjiżna, matul il-ġimgħat li ġejjin ser jibda, bi prova, jissepara ukoll l-iskart organiku. F’ħames lokalitajiet, l-Mdina, Ħal-Għaxaq, Ta’ Xbiex, Bormla u B’Kara ser jibda proġett pilota biex ikun separat l-iskart organiku.  Dan ser jibda jinġabar darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa. Jibda nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru.

Dan l-iskart organiku huwa bejn l-40% u l-50% tal-iskart li sal-lum inpoġġu fil-borża s-sewda. Issa f’dawn il-lokalitajiet darbtejn fil-ġimgħa ser jibda jinġabar għalih f’borza bajda. Ir-residenti fil-lokalitajiet li ser isir il-proġett pilota diġa nagħtaw boroż bojod u bins apposta u ġie spjegat lilhom x’għandhom jagħmlu.     

Fil-borza l-bajda tal-iskart organiku tista’ titfa’ l-fdailjiet tal-ikel, nej jew imsajjar, ħaxix, ħut u frott, qxur tal-frott u tal-ħaxix, ħobż, teabags u kafè midħun, qxur tal-bajd, paper napkins u karti maħmuġin, weraq u fjuri.  Lista twila ħafna.

L-iskart organiku fil-borża l-bajda jinġabar minn wara l-bibien tad-djar u jittieħed fl-impjant ta’ Sant Antnin fejn wara li issir verifika li fil-fatt  fil-borża hemm biss skart organiku  jitqiegħed f’apparat imsejjaħ waste digester fejn dan l-iskart jiddikomponi u  minnu jinġabar gass li iktar tard jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku.  Minbarra l-elettriku tkun ukoll prodotta sħana li permezz tagħha, fost oħrajn, ser jissaħħan is-swimming pool tal-Fondazzjoni Inspire f’Marsaskala liema swimming pool jintuża bħala parti mill-għajnuna terrapewtika lill-komunità b’diżabilità. Dak li jibqa’, imbagħad, jintuża bħala compost. Għax fil-fatt, mill-iskart organiku, ma jintrema xejn.

Għalhekk huwa importanti li nirriċiklaw. Għax dak li, sal-lum, kull wieħed minna jarmi għandu użu. Meta nirriċiklaw nevitaw jew innaqqsu ħafna ħsara ambjentali u nagħtu kontribut biex ilkoll ngħixu ħajja aħjar.

FacebookEmail