Diskors tal-kandidat Parlament Ewropew Mina Tolu dwar il-manifest Aħdar ir-Risposta waqt il-laqgħa ġenerali staordinarja ta’ Alternattiva Demokratika
Għalija, il-manifest huwa storja, storja li turi l-vizjoni tagħna mhux biss għall-futur tal-Ewropa imma wkoll għall-futur ta’ Malta.
Il-manifest imniedi għal dawn l-elezzjonijiet huwa ibbażat fuq is-sitt punti bażiċi tal-ħidma politika Ħadra. Dawn huma l-għarfien ekoloġiku, il-ġustizzja soċjali, id-demokrazija parteċipattiva, in-nonvjolenza, is-sostenibilità u r-rispett lejn id-diversità.
Kif tafu, l-Alternattiva Demokratika dejjem sfidat l-istatus quo f’Malta. U se nkomplu nisfidaw l-istatus quo.
Kif qal sew Mario Mallia, Deputat Chairperson ta’ AD fil-bidu tal-laqgħa, dawnl-elezzjonijiet ipoġġuna f’salib it-toroq għax niddeċiedu mhux biss fuq min se jkunu ir-rappreżentanti tagħna, il Membri tal-Parlament Ewropew, imma wkoll niddeċiedu fuq il-futur tagħna. Nistgħu ngħidu li qegħdin f’punt ta’ transizzjoni u hemm bżonn li din it-transizzjoni twassalna għal Ewropa aktar soċjali, sostenibbli u inklussiva.
Għal Ewropa sostenibbli hemm bżonn ta’ transizzjoni lejn ekonomija ħadra li toħloq l-impjiegi kif ukoll tiffaċilita mhux biss it-taħriġ mill-ġdid imma ukoll tagħlim tul il-ħajja. Ekonomija ħadra jibbenifika minnha kulħadd għax tiffaċilità li jkollna ilma u arja iktar nadifa kif ukoll ambjent iktar san. Għalhekk fil-manifest nitkellmu dwar kif nistgħu niġġieldu kontra l-bidla fil-klima u nindirizzaw it-tniggis mit-trasport – għax mhux aċċettabbli li fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw biex f’Malta jiżdied aktar spazju għall-karozzi.
Mhux sew li huwa aktar faċli ssib ikel mimli pesticidi milli ikel lokali li huwa ħieles mill-pestiċidi. Nemmnu li rrid nindirizzaw l-iskart iġġenerat mill-plastik.
Ekonomija ħadra tista’ tkun ta’ sostenn għas-soċjeta. Ma nistgħux ikollna ġustizzja ambjentali mingħajr ma jkollna wkoll ġustizzja soċjali. Waħda mhix sħiħa mingħajr l-oħra. Hu meħtieġ ukoll li l-Ewropa tkun dejjem iżjed Ewropa soċjali, li tħares dejjem iżjed id-drittijiet tal-ħaddiem, tissielet kontra l-faqar u tnaqqas l-inugwaljanzi.
L-ekonomija tagħna hi dipendenti fuq ħaddiema li għandhom iktar minn impjieg wieħed, żgħażagħ li jagħmlu xogħol ta’ interns bla ħlas, immigranti li jagħmlu xogħol manwali bi ħlas miżeru u fuq nisa li jagħmlu xogħol li ma jidhirx u ma jitħallasx fid-dar u mal-familja. Soċjetà b’saħħitha u ġusta teħtieġ li tindirizza dan kollu. Kif wkoll tindirizza l-kwalita tal-ħajja, s-saħħa, l-edukazzjoni, fost oħrajn.
Għalhekk se nahdmu għal Garanzija ta′ paga minima diċenti fl-Unjoni Ewropea. Se nippromwovu s-saltna tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, insaħħu t-trasparenza u niġġieldu l-korruzzjoni. U niggarantixxu aċċess liberu għal edukazzjoni ta′ kwalità, apprentistati b’rinumerazzjoni ġusta u impjiegi tajbin għaż-żgħażagħ.
Wasalt għall-aħħar punt, dwar kif nistgħu nibnu Ewropa inklussiva. Ewropa inklussiva hija wahda fejn nuru s-solidarjeta, fejn naħdmu favur l-ugwaljanza u kontra l-vjolenza a bażi tal-ġeneru. Aħna se niddefendu d-drit għall-ażil, u nemmnu li hemm bżonn jiġu stabiliti rotot legali u siguri għall-migrazzjoni. Il-pajjiżi fuq il-fruntiera Ewropea bħal Malta m’għandhomx jitħallew waħedhom. Li tgħin lill-immigranti m’għandu qatt ikun ikkriminalizzat. Li tfittex l-ażil m’għandux iwasslek il-ħabs.
Meta nitkellmu dwar is-solidarjeta qed nitkellmu ukoll dwar solidarjeta globali. U għalhekk fuq livell Ewropew hemm bżonn li nwaqqfu l-esportazzjoni tal-armi lil dittaturi u fejn hemm il-gwerer. Bil-Ħodor fil-Parlament Ewropew – L-Unjoni Ewropea tibqa’ proġett ta’ paċi.
Jiena nwiegħed li naħdem, u nkompli nahdem, favur dawn il-prijoritajiet li huma imfissra f’dan il-manifest (www.ahdar.green)
Ejjew, nistinkaw flimkien – għal Ewropa sostennibli, inklussiva u soċjali. Dan huwa biss il-pass li jmis għal Alternattiva Demokratika – li bih inkomplu nwwasslu l-viżjoni tagħna għal futur fejn il-kwalita tal-ħajja tagħna llkoll tista’ tkun aħjar. Fejn in-nies u d-dinja jiġu qabel il-profitt. Fejn in-nisa qatt ma jieħdu t-tieni post wara l-irġiel. Fejn ħadd ma jiċċaħħad mid-drittijiet tiegħu u l-vuċi ta’ kulħadd tkun irrispettata. U bħala riżultat ta’ dan igawdi kulħadd!