paris climate change 2015

F’Pariġi : l-ewwel pass – Carmel Cacopardo

paris climate change 2015

Carmel Cacopardo​ jitkellem dwar il-bidla fil-klima.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2015

Nhar is-Sibt, f’Pariġi, rappreżentanti ta’ kważi 200 pajjiż waslu fi ftehim dwar il-bidla fil-klima. Ftehim li jagħti tama għall-futur: iż-żieda fit-temperatura m’għandhiex taqbeż b’iktar minn 2oC dik taż-żmien pre-industrijali fil-waqt li ser isiru sforzi biex iż-żieda l-anqas ma tasal sa 1.5oC il-fuq minn dik taż-żmien pre-industrijali .  Kull pajjiż intrabat individwalment biex jistabilixxi l-emmissjonijiet li jeħtieġ li jnaqqas biex dan jintlaħaq.

Dawn emissjonijiet ikunu reveduti perjodikament biex ikun assigurat li l-isforz ta’ kulħadd flimkien jgħin biex naslu.  Intlaħaq qbil li huwa meħtieġ investiment ta’ $100 biljun dollar biex ikunu mgħejjuna l-pajjiżi mhux sviluppati, biex dawn ukoll ikunu f’posizzjoni li jaddattaw l-ekonomija tagħhom ħalli anke huma jagħtu kontribut  mingħajr ma jħarbtu l-ekonomija dgħajfa tagħhom. B’hekk il-piz jintrefa minn kulħadd.

Il-ftehim ta’ Pariġi jorbot lil kull pajjiż li jistabilixxi hu l-emmissjonijiet tiegħu fil-futur iżda ma hemmx obbligu dwar kemm għandhom ikunu dawn l-emmissjonijiet. B’differenza mill-passat dan il-ftehim iħalli ħafna iktar diskrezzjoni f’idejn il-pajjiżi li iffirmawh u allura jiddependi ħafna iktar minn qatt qabel fuq il-volontà tagħhom. Hawn qegħda d-diffikulta prinċipali tal-ftehim ta’ Pariġi: il-wegħdiet li għamlu s’issa l-pajjiżi individwali meta tgħoddhom flimkien m’humiex biżżejjed. Għad jonqos ħafna iktar x’isir.  Għalhekk, dan għadu biss l-ewwel pass. Warajh iridu jiġu ħafna oħrajn.

It-tibdil fil-klima diġa qiegħed magħna. Kif jgħidulna l-esperti, illum diġa qbiżna t-temperatura pre-industrijali bi 1oC u qed naraw b’għajnejna temp li qed jinbidel. Ix-xita qed tonqos fil-frekwenza imma żżid fl-intensità, t-temperatura medja qed togħla, is-silġ fil-poli u fuq il-muntanji qed idub bil-konsegwenza li l-livell tal-ibħra beda jogħla. Diġa qed naraw b’għajnejna l-ħerba. Dan iżda għadu m’hu xejn ħdejn dak li jista’ jseħħ jekk il-pajjiżi kollha li nġabru u ftehmu f’Pariġi ma jwettqux dak li wegħdu.

Għalina f’Malta t-tibdil fil-klima jħalli impatt fuq saħħita, fuq l-ekonomija u anke bħala riżultat tal-għoli tal-livell tal-baħar il-kosta ta’ pajjiżna ukoll hi mhedda. L-ogħli fil-livell tal-baħar jeffettwa l-faċilitajiet kollha kummerċjali u turistiċi li pajjiżna għandu mal-kosta, sviluppati tul is-snin bid-dedikazzjoni ta’ tant ġenerazzjonijiet li ġew qabilna.

Biex Malta tnaqqas il-kontribut tagħha lejn il-bdil fil-klima jeħtieġ li tkun inkoraġġita iżjed il-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva kif ukoll li jonqsu drastikament il-karozzi mit-toroq, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti u alternattivi ta’ trasport u b’użu ikbar tat-trasport pubbliku. Hemm bżonn ukoll ta’ pjan fit-tul dwar kif tul is-snin ser innaqqsu l-emmissjonijiet mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija. Dan jista’ jsir permezz ta’ dak li jissejjah Carbon Budget li jorbot lill-Gvern li jnaqqas id-dipendenza fuq iż-żjut billi jistabilixxi miri speċifiċi. Il-bidla li trid twassal għal tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili hija opportunità biex mhux biss nagħtu kontribut ikbar għat-tnaqqis tal-impatti fuq il-klima, imma ukoll biex ikollna arja nadifa, innaqqsu t-tniġġis u l-mard, kif ukoll biex nibnu ekonomija moderna li toffri sors ta’ għixien sostenibbli lin-nies. Din hi l-unika triq.

FacebookEmail