FAMILJI MHUX FAMILJA – IR-REALTAJIET TA’ LLUM
waqt Seminar organizzat mill-Alternattiva Demokratika, The Green Party fil-21 ta’ Mejju f’Dar l-Ewropa bit-tema tal-familja u l-politika tad-divorzju fl-Unjoni Ewropeja.
Minbarra kelliema tal-AD, f’dan is-seminar ippartecipaw numru ta’ ghaqdiet mhux governattivi.
FAMILJI MHUX FAMILJA – IR-REALTAJIET TA’ LLUM
Tnaqqis fiż-żwiġijiet u fin-numru ta’ trabi li qed jitwieldu, żieda fit-tul tal-hajja, fil-koabitazzjoni u fi żwiġijiet li qed ifallu, fin-numru ta’ tfal li qed jitwieldu barra ż-żwieġ, fin-numru ta’ familji b’ġenitur wieħed, fin-numru ta’ nies li jagħzlu li jibqgħu single, fin-numru ta’ nies li jagħżlu li jgħixu ma persuna tal-istess sess, fin-numru ta’ persuni li jagħżlu li jerġgħu jiżżewġu ….
Illum il-ġurnata ma nistgħux nibqgħu inqisu l-familja bħal ma konna nqisuha fil-passat. Jekk inħarsu lejn ix-xejriet preżenti kemm fl-Unjoni Ewropeja in ġenerali kif ukoll fis-soċjeta Maltija, naraw proċessi dinamiċi kontinwi u nindunaw li b’riżultat ta’ dawn il-bidliet, illum irridu nirrispondu ghal rejaltajiet ġodda fil-konfront tal-familji ta’ llum, rejaltajiet li ma nistgħux nibqgħu ninjoraw.
Hawnhekk irrid naghmel zewg punti importanti:
-
Dawn ir-realtajiet jehtieg li nindirizzawhom fil-politika socjali taghna bis-serjeta.
- Dawn ir-realtajiet jezistu go pajjizna anke minghajr id-divorzju. Dan ghaliex id-divorzju mhux il-kawza ta’ dawn il-bidliet ghaliex huma xejriet li qed jigru fil-pajjizi kollha Ewropej inkluz go pajjizni.
Għalkemm kull pajjiż membru tal-UE għandu s-sitwazzjoni partikolari tiegħu kemm bħala xejriet domografiċi kif ukoll fil-qasam tal-politikia soċjali, dawn ix-xejriet dinamiċi ħallew impatt ċar fuq il-familja fl-UE in ġenerali.
Mill-1970 ‘l hawn l-Ewropa rat tnaqqis fir-rata ta’ żwiġijiet minn 7.9 ghal 4.9 ghal kull elf persuna fl-2007. Fl-2009 – L-ogħla rati ta’ żwieġ kienu f’Ċipru (7.9) u fil-Polonja (6.6). L-inqas fil-Bulgarija u fis-Slovenja (3.4 u 3.2). Malta = 5.7 (Ukoll naqset mis-snin 70 u 80 ghalkemm is-sena l-ohra kellna l-akbar numru ta’ zwigijiet f’dawn l-ahhar 10 snin – 2596).
Għalkemm iż-żwieġ naqas, ma jfissirx li m’għadux popolari. Trid tqis ukoll li llum il-ġurnata hawn anqas żagħżagħ milli kien hemm qabel kif ukoll li n-nies qed jipposponu ż-żwieġ għal eta` akbar.
Imma llum hawn nies mhux miżżewġa kwazi daqs kemm hawn miżżewġa, xejra li tirrifletti l-kultura ta’ nies li jagħżlu li jibqgħu single.
Fl-istess ħin ta’ min jinnota wkoll li 1 minn kull 5 żwiġijiet fl-Ewropa mhuwiex żwieġ għall-ewwel darba: xhieda li n-nies jibqgħu ifittxu ż-żwieġ anke jekk l-ewwel żwieġ tagħhom ma jkunx irnexxa.
F’dawn l-aħħar snin fl-Ewropa rajna rati ogħla ta’ żwiġijiet li jfallu, f’certi pajjiżi aktar milli f’oħrajn (Spanja, L-Ungerija u l-Belġju). 1 minn kull 2.3 żwiġijiet ifallu fl-Ewropa. Fl-1980 ir-rata kienet 1 minn kull 4.6.
(CRUDE divorce rate 1970 – 0.9 per 1000 inhabitants; 2007 – 2.1)
Fl-2007 fl-EU 27 kien hemm 2.4 miljun żwieġ u 1.2 miljun divorzju. Iżda parti minn din iż-żieda hija dovuta għall-fatt li minn dak iż-żmien numru ta’ pajjiżi
illegalizzaw id-divorzju.
Ta’ min jinnota wkoll li fl-2009 l-Irlanda u pajjiżi tal-Ewropa ta’ isfel (l-Italja, Slovenja, Greċja) kellhom l-inqas rati ta’ divorzju. Hawnhekk naraw l-effett li kulturi differenti jista’ jkollhom fuq l-għażliet li jagħmlu individwi dwar il-familja u li ħafna biżgħat li jiġu mxerrda bħal dik li titrawwem mentalita` divorzista jekk ikun legalizzat id-divorzju, mhumiex fondati.
F’Malta, ghalkemm id-divorzju mhux legali (hlief ghal dawk li jgibuh minn barra), ix-xejriet ta’ zwigijiet li qed jitkissru mhumiex wisq differenti minn dawk li nsibu fl-Ewropa.
Skont rapport li ppubblikaw id-DISCERN dwar dan is-suggett (updated 2007), meta tqabbel ir-rati li johrogu mic-censimenti tal-1985, 1995 u 2005, tara qabza enormi bejn l-ahhar zewg censimenti fejn in-numru ta’ persuni li z-zwieg taghhom falla iktar minn irdoppja fi zmien 10 snin u dan minghajr ma’ ghandna divorzju.
Skont l-ahhar censiment, mal-10,000 persuna kienu separati, annullati jew divorzjati (imma ma regghux izzewgu) filwaqt li aktar minn 750 regghu izzewgu.
Is-sena l-ohra filwaqt li żżewġu 2596 koppja; isseparaw 566 jigifieri kwazi ghal kull 4 zwigijiet li qed isiru, qed ikun hemm separazzjoni.
Barra minn hekk kull sena qed ikollna bejn 150 u 200 annullament, l-aktar ċivili: ghalkemm is-sena l-ohra in-numru ta’ annullamenti naqas ghal 124.
SENA REL ĊIVILI TOTAL
2007 34 133 167
2008 35 153 188
2009 44 110 154
Dawn ix-xejriet juru li ghalkemm f’Malta ghalkemm hafna nies m’ghandhomx il-possibilta li jiddivorzjaw, sfortunatament, hawn xorta hafna familji li qed jitkissru. Dan jixhed li mhux id-divorzju li jkisser il-familji imma fatturi ohra li tajjeb jigu ezaminati biex inkunu nistghu nindirizzawhom ahjar.
F’Malta fejn id-divorzju għadu mhux legali għal ħafna nies, hawn numru ta’ koppji li għandhom id-divorzju għax ġabuh minn pajjiż ieħor. Mill-1980 ‘l hawn, gew rikonoxxuti mill-istat Malti, mat-800 divorzju moghtija minn pajjizi ohra l-akar mir-Renju Unit. Is-sena l-ohra stess – 47.
Xejra oħra li qed tiżdied inkluż f’Malta hija dik tat-tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ. Terz tat-tfal fl-UE jitwieldu f’kuntesti oħra eż. Koabitazzjoni jew persuni single. F’ċerti Pajjiżi bhall-Estonja (60%), Slovenja, Svezja, Franza u Bulgarija aktar tfal qed jitwieldu barra ż-żwieġ milli fiż-żwieġ. Pero` fil-pajjiżi tal-Mediterran bhal Ċipru, l-Greċja, l-Italja u Malta kif ukoll il-Polonja, ir-Rumanija u l-Litwanja, madwar 70% tat-tfal għadhom jitwieldu fiż-żwieġ.
L-ahhar censiment jindika li aktar minn 2500 koppja kienu qed jikkoabitaw. Hawnhekk ukoll trid tħares lejn il-kultura ta’ pajjiż. F’Malta il-kultura tal-koabitazzjoni dieħla bil-mod imma hija pjuttost xejra riċenti u hija f’ċerti każi imposta minħabba li ħafna koppji ma jistgħux jiżżewġu għax huma separati biss fin-nuqqas tad-divorzju. Ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa għall-pajjiżi Skandinavi per eżempju fejn il-kultura tal-koabitazzjoni ilha ħafna aktar stabbilita u fejn il-koabitazzjoni tista tkun ippreferuta fuq iz-zwieg.
Din qed iwassal ghal xejra ohra gdida fost il-familji Maltin – dik ta’ familji rikostitwiti fejn koppja li hafna drabi jkollhom tfal minn zwieg qabel, jibdew jghixu flimkien u jiffurmaw familja gdida. Dan qed isir anke fin-nuqqas ta’ legizlazzjoni tad-divorzju.
Illum ħafna nies fl-Ewropa qed jgħixu ġo households iżgħar u ħafna minnhom mingħajr tfal. Ir-rata tal-fertilita` għadha mhix sostenibbli fl-ebda pajjiż tal-UE. F’Malta r-rata tal-fertilita niżlet minn 1.7 fl-2000 ghal 1.44 fl-2009. (EU – 1.6)
Għalkemm illum aktar koppji qed jagħżlu li ma jkollhomx tfal għal raġunijiet diversi, dan ma jfissirx li din hija dejjem għażla ħielsa. Studji juru li n-nisa jkollhom aktar tfal f’dawk is-soċjetajiet li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara, li joffru opportunitajiet ta’ xogħol indaqs, li jaċċettaw forom diversi ta’ familja, li jipprovdu ħarsien tat-tfal adekwat, fejn kemm ir-raġel kif ukoll il-mara jistgħu faċilment isibu bilanċ bejn xogħol u familja u għalhekk ikunu jistgħu jagħżlu kemm ikollhom tfal.
Tajjeb li ngħidu li f’soċjetajiet bħal Malta fejn għad hawn ħafna nuqqasijiet f’dawn l-oqsma, dan qed inħallsu għalih mhux biss fil-qasam tax-xogħol u f’ rati baxxi ta’ twelid, imma wkoll fl-istress li joħolqu sitwazzjonijiet bħal dawn fuq koppji miżżewġin specjalment fuq in-nisa, stress li jista’ jwassal biex tinfired il-koppja.
F’Malta – il-ħarsien tat-tfal għadu jiddependi ħafna fuq in-nanniet speċjalment għal tfal ta’ taħt is-sentejn. Serviżżi tal-ħarsien tat-tfal sa sentejn huwa kważi nofs il-medja ta’ dak li toffri l-kumplament tal-UE. (Malta 15%; EU27 – 28%). Dan huwa rifless fil-fatt li f’Malta hawn l-aktar rata baxxa ta’ nisa jaħdmu fl-UE. Barra minn hekk tajjeb li nsemmu li n-nanniet mhumiex obbligati li jieħdu ħsieb it-tfal tat-tfal u li dawk in-nisa li jaħdmu mhux se jkunu jistgħu jibqgħu joffru dan is-servizz.
Il-politika soċjali li tindirizza dawn ir-rejaltajiet tvarja fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja speċjalment għaliex l-UE ma’ tindaħalx wisq f’dan il-qasam. Lanqas ma teżisti organizzazzjoni fi ħdan l-UE li tieħu ħsieb il-politika tal-familja. Imma nofs il-pajjiżi tal-UE ghandhom ministeru għall-familja.
L-AD taqbel li għandu jkun hemm aktar armonizzazzjoni bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE fil-qasam tal-politika soċjali biex ikun hemm inqas diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-UE.
Bħalissa kull pajjiż għandu skemi differenti ta’ protezzjoni, beneficcji, servizzi, strutturi u liġijiet li jindirizzaw dawn ir-realtajiet imma hemm differenzi kbar kemm fis-sehem tal-prodott gross domestiku li jintefaq fuq il-politika tal-familja (li naqas in ġenerali fl-UE f’dawn l-ahhar snin) kif ukoll fl-iskop wara l-politika li titfassal (e.g. gender equality, eradication of poverty, moral, economic, fiscal etc.).
Jeżistu differenzi kbar per eżempju fl-ammonti li jintefqu fil-benefiċċji tat-tfal u fit-tul ta’ leave tal-maternita` li jinghata (medja ta’ 25 ġimgħa punt 3 – F’Malta ghandna l-inqas rata) u jekk dan hux imħallas. Fil-pajjiżi tal-Mediterran jintefqu ħafna inqas flus fuq benefiċċji għall-familji milli jintefqu fil-pajjiżi Skandinavi, fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Dan għal darb’oħra jirrifletti d-dipendenza li għandhom dawn il-pajjiżi fuq is-sapport li joffru l-familji u l-komunita` li ma jistax jibqa jittieħed for granted. Teżisti relazzjoni ċara bejn il-benefiċċji soċjali li jingħataw lill-familji u l-faqar fost it-tfal li f’Malta huwa għoli mhux ħażin.
L-AD temmen li l-politika soċjali tal-familja għandu jkollha dawn l-għanijiet:
- Li tindirizza l-ħtiġijiet ġodda li l-familji qed ikollhom illum il-ġurnata
- Li tagħraf il-ħtiġijiet diversi ta’ familji diversi bħal ma huma familji b’ġenitur wieħed, koppji omosesswali u familji rikostitwiti
- Li tippromwovi kultura li tagħraf din id-diversita` minflok li tiġi ipproġettata familja waħda ibbażata fuq sterjotipi tradizzjonali
- Li tagħmilha faċli għall-ġenituri biex isibu bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol eż: billi jiġi estiż il-leave tal-maternita`, billi jiġu organizzati attivitajiet għat-tfal wara l-ħin tal-iskola; xogħol flessibbli etc.
- Li toffri inċentivi lis-settur privat biex joffri opportunitajiet aħjar biex jinstab bilanċ bejn xogħol u familja
- Li tagħti lok biex individwi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ħielsa ta’ kif iridu jgħixu fosthom li tiġi regolata l-koabitazzjoni; li jingħata d-dritt għad-divorzju u li persuni jerġgħu jiżżewġu
- Li tnaqqas il-faqar speċjalment fost gruppi vulnerabbli bħal familji b’ġenitur wieħed, tfal u anzjani
- Li tipprovdi aktar sigurta` wara li persuna tirtira mix-xogħol u fix-xjuħija
- Li tipproteġi b’mod effettiv membri vulnerabbli tal-familja speċjalment lit-tfal, ix-xjuħ, persuni b’diżabilita` u vittmi ta’ abbuż domestiku
- Li tinkoraġġixxi aktar riċerka dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw il-familji llum biex jiġu evalwati l-kawżi li qed iwasslu għall-firda ta’ ħafna familji biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti miżuri biex dawn jiġu indirizzati aħjar u biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-effetti negattivi li dawn iġibu magħhom.
~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~~